Ejja ninfetħu għal affarijiet ġodda biex ma nibqgħux priġunieri tal-ideat

"Alla jilliberana, imma l-ideat u l-ideoloġija le, anzi dawk jagħmluna priġunieri."
Minn din il-konklużjoni li toħrog mill-Evanġelju ta’ San Ġwann tal-quddiesa ta’ nhar l-Erngħa, il-Papa Franġisku silet l-omelija li għamel quddiem id-disa’ kardinali konsulturi tiegħu li kienu qed jiltaqgħu għall-24 laqgħa tagħhom.
Għall darb’oħra l-Papa wissa dwar ir-riskju tar-“riġidità” li twassal biex wieħed ipoġġi lilu nnifsu fiċ-ċentru u allura jibqa’ ma jintlaqatx mill-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u jibqa’ insensittiv għal affarijiet ġodda.
Id-dutturi tal-liġi ma kinux kapaċi jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet. Kienu skjavi ta’ kliem u ideat, qal il-Papa. “Kienu dejjem jirrepetu l-istess domandi, ma kinux kapaċi joħorġu minn dinja magħluqa u baqgħu priġunieri tal-ideat. Ingħataw liġi li kienet mimlija ħajja iżda huma ddistillawha u bidluha f’ideoloġija u dawruha kif iridu u mhux kapaċi jimxu 'l quddiem. Għalihom, kull ħaġa ġdida hi theddida”.
“Dan m’għandux jissorprendina għax fl-istorja tal-umanità dejjem kien hemm u jibqa’ jkun hemm reżistenza għall-Ispirtu s-Santu, oppożizzjoni għall-bidla. Dan jibqa’ dejjem sal-aħħar tad-dinja”, qal il-Papa Franġisku. “Iżda n-Nisrani għandu jdur u jfittex frekwenzi ġodda għax Alla dejjem jiġi jiltaqa’ magħna b’xi ħaġa ġdida u orġinali”.
Li għall-bidu jkun hemm retiċenza ma jimpurtax. Hi parti mil-libertà li Alla jħalli lil uliedu. Din hi garanzija li min jemmen ma jitqarraqx mix-xejn. L-importanti hu li permezz tat-talb u d-dixxerniment insibu t-triq u nkunu kapaċi npoġġu lill-Ispirtu s-Santu fiċ-ċentru.
F’dan is-sens il-Papa semma l-eżempju tal-ewwel dixxipli li “kienu doċli għal dak li hu ġdid u kapaċi jiżirgħu l-kelma t’Alla anke ‘barra mill-kaxxa’. Huma laqgħu lill-Ispirtu s-Santu u wettqu aktar minn rivoluzzjoni, wettqu bidla kbira li fiċ-ċentru tagħha kien hemm l-Ispirtu s-Santu u mhux il-liġi, l-Ispirtu s-Santu”.
B’hekk il-Knisja ssir “Knisja ħajja”, Knisja li timxi 'l quddiem. L-appostli ma kinux grupp magħluq ta’ nies magħżula imma Knisja Missjunarja.
“Il-bilanċ tal-Knisja, biex ngħidu hekk,  jinsab eżattament f’kemm kapaċi tkun mobbli u fidila lejn l-Ispirtu s-Santu”, enfasizza l-Papa. “Xi ħadd qal li l-bilanċ tal-Knisja hu bħall-bilanċ tar-rota: tkun tajba meta tkun miexja imma jekk tieqaf taqa’”.
“Nitolbu 'l Alla jagħtina grazzja li nkunu nafu nirreżistu dak li għandna nirreżistu – dak li ġej mill-ħażin, li jisirqilna l-libertà tagħna. Ejja nitgħallmu niftħu lilna nfusna għal affarijiet ġodda li ġejjin minn Alla. Nitolbuh jagħtina permezz tal-Ispirtu s-Santu, l-grazzja li niddixxernu s-sinjali taż-żminijiet biex nieħdu d-deċiżjonijiet li jkollna bżonn nieħdu f’mumenti partikolari” temm il-Papa l-omelija tiegħu.