Ejja ninawguraw staġun ta’ tiġdid għall-Knisja fl-Irlanda – Il-Papa

Il-Papa Franġisku jitlob għal tiġdid tal-Knisja fl-Irlanda

Ejja ninawguraw staġun ta’ tiġdid għall-Knisja fl-Irlanda li qed tiffaċċja nuqqas ta’ vokazzjonijietu nitolbu ‘l Alla jibgħat saċerdoti qaddisa f’dan il-pajjiż, sostna l-Papa Franġisku.

Il-Papa Franġisku esprima din it-tama waqt l-udjenza ta’ nhar l-Erbgħa waqt li tkellem fuq il-Vjaġġ Apostoliku li għamel fl-Irlanda bejn il-25 u s-26 tax-xahar li għadda fejn attenda għad-Disa’ Laqgħa Mondjali tal-Familji.

Din ix-xewqa, issuġerixxa l-Papa, tista’ tintlaħaq jekk l-iżbalji tal-passat ikunu rimedjati b’onestà u kuraġġ, nemmnu f’dawk li wiegħdna Alla u naħdmu fuq il-fidi profonda tal-poplu Irlandiż.

Il-Papa fakkar li l-vjaġġ tiegħu ta’ jumejn, fuq kollox kellu l-iskop li jikkonferma l-familji insara fil-vokazzjoni u l-missjoni tagħhom. Huwa enfasizza li: “Iż-żjara tiegħi fl-Irlanda barra li ġġib ferħ kellha wkoll turi l-uġiegħ u d-dwejjaq għas-sofferenzi kkaġunati f’dak il-pajjiż mid-diversi forom ta’ abbużi, anke minn membri tal-Knisja u l-fatt li l-awtoritajiet ekklesjastiċi, fl-imgħoddi, mhux dejjem kienu kapaċi jieħdu passi kif jixraq fuq dawn id-delitti.”

Qal li l-laqgħa li kellu ma’ tmien vittmi ta’ dawn l-abbużi ħalliet fih marka profonda. “F’ħafna okkażżjonijiet tlabt maħfra lil Alla għal dawn id-dnubiet, għall-iskandlu li tajna u għas-sens ta’ tradiment li ħloqna.”

Żied jgħid li l-Isqfijiet Irlandiżi qabdu “triq serja ta’ purifikazzjoni u rikonċiljazzjoni ma’ dawk li sofrew minn dawn l-abbużi.” Bl-għajnuna tal-awtoritajiet tal-pajjiż għamlu serje ta’ regoli stretti biex jassiguraw li ż-żgħażagħ ikunu fiż-żgur.

Il-Papa Franġisku fakkar li fil-laqgħa tiegħu mal-Isqfijiet tal-pajjiż, inkoraġġihom fl-isforzi tagħhom “biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet tal-passat b’onestà u kuraġġ, jafdaw f’Alla u fil-fidi qawwija tal-poplu Irlandiż biex il-Knisja fl-Irlanda tibda staġun ta’ tiġdid.”

“Fl-Irlanda hemm il-fidi, hemm nies b’fidi b’għeruq sodi, iżda hemm ftit vokazzjonijiet għas-saċerdozju. Għaliex? L-ewwelnett minħabba l-iskandli u anke għax hemm problemi kbar oħra. Għalhekk ejja nitolbu biex Alla jibgħat saċerdoti ġodda u jsaħħaħ il-fidi tal-poplu.”

Hu stieden lin-nies biex jgħidu miegħu l-Ave Maria, u talab: “Mulej Alla, ibgħatilna saċerdoti qaddisa!”