“Ejja niħduk id-dar, pa” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li għal missieru xejn mhu impossibbli, u ħeġġu biex ifiq ħalli jieħdu lura d-dar.

Missieru, ta’ 84 sena, ilbieraħ iddaħħal l-Emerġenza wara li waqa’ minn fuq sellum hu u jaqta’ l-larinġ.

Delia rrakkonta fuq Facebook kif minkejja l-età tiegħu, missieru ma qatax qalbu, għax għandu karattru ta’ gwerrier. Bil-waqgħa huwa kiser għadma f’għonqu u ffaċċja li jkun paralizzat. Delia qal li mbenġel u mweġġa’ kif kien mal-waqgħa, xorta għajjat jgħidlu li rnexxielu jaqta’ l-larinġ.

Huwa sejjaħlu l-gwerrier u l-ispirazzjoni tiegħu. “Ejja ħa niħduk id-dar, pa,” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.