“Ejja nevitaw lingwaġġ goff meta nitkellmu dwar Brexit”

L-Arċisqof Eamon Martin, mexxej tal-Knisja Kattolika fl-Irlanda, wissa dwar “lingwaġġ goff” fid-dibattitu dwar Brexit. Qal li hemm bżonn ta’ kawtela miż-żewġ naħat tal-argument.
F’intervista mal-gazzetta ‘Sunday Independent’, l-Arċisqof Martin tkellem dwar il-memorji li għandu tal-inkwiet li kien hemm fi tfulitu f’Londonderry u kif dak li għadu magħruf bħala “L-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira” kien ittrasforma s-soċjetà Irlandiża. 
Hu tkellem ukoll dwar l-abort u l-possibbiltà li l-Papa jżur l-Irlanda s-sena d-dieħla.
Is-sena d-dieħla jaħbat l-20 anniversarju minn dan il-ftehim storiku li wasal wara snin twal ta’ taħditiet għall-paċi. F’dawn l-20 sena nbidlu ħafna affarijiet imma dak il-ftehim għadu wieħed “fraġli”.
“Jien trabbejt f’Derry. Fil-Milied niftakar fin-nanniet u l-familja tiegħi. Kellna naqsmu fruntiera, ridna ngħaddu minn post mgħasses  bl-ixkubetti ppuntati lejna, kienu jfittxulna, anke fil-bagalji tal-iskola kienu jfittxulna.
“Konna nisimgħu l-isparar u bombi jisplodu u kuljum konna nies b’nies jinqatlu, ħafna minnhom nies ċivili innoċenti li kienu jinqabdu f’nofs xi ġlieda qalila.
“Għalhekk kulma rrid nagħmel hu li nħares lura lejn iż-żmien ta’ tfuliti biex niftakar fit-terrur li kien hemm fl-Irlanda ta’ Fuq fis-snin 70, 80 u l-bidu tad-90 u nirrealizza x’kisbiet kbar ġieb il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira.
L-Irlanda ta’ Fuq issa ilha bla Parlament għal kważi sena.  Taħditiet biex isolvu din il-problema huma wieqfa minħabba problemi bħalma huma l-lingwa Irlandiża.  L-Arċisqof wera t-tama li jkun hemm progress f’dawn it-taħditiet is-sena d-dieħla.
L-Arċisqof żied jgħid: “Jien iddiżappuntat li bħalissa qisna dħalna f’vakwu u m’hemmx sens ta’ direzzjoni. In-nies huma frustrati għax qisu mhu qed jiġri xejn. Għalhekk f’dawn iż-żminijiet ninkoraġixxi lil kulmin għandu xi sehem x’jagħti biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex forsi jkun hemm qbil fl-anniversarju tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira”.
“Dwar id-diskussjonijiet ta’ Brexit, nerġa’ nappella għall-kawtela. Nitkellmu ħafna dwar fruntieri ekonomiċi iebsa jew inqas iebsa, iżda kultant il-lingwaġġ li nużaw, il-pożizzjonijiet li nieħdu, jistgħu jagħmlu ħsara kbira” qal l-Arċisqof Martin.
Is-sena d-dieħla se tkun waħda importanti għall-Knisja Kattolika fl-Irlanda. Fis-sajf mistennija żjara mill-Papa Franġisku li taħbat mal-Laqgħa Mondjali tal-Familji li se ssir fl-Irlanda wkoll. Dan hu avveniment li l-Knisja Kattolika tagħmel kull tliet snin.
Dwar iż-żjara tal-papa l-Arċisqof qal li l-poplu hu interessat u eċitat.  Anke dawk li mhumiex Kattoliċi prattikanti huma ferħana bl-idea li l-Papa jista’ jżur il-pajjiż. “Jekk iż-żjara tal-Papa tgħinna biex nieqfu u naħsbu, dak ikun biżżejjed għalina”, qal l-Arċisqof.