Ejja naħdmu kontra r-rapport ta’ Omtzigt – Manwel Mallia

L-eks Ministru u l-Membru Parlamentari tal-Gvern Manwel Mallia appella lill-Membri Parlamentari li qegħdin fuq id-delegazzjoni Maltija għall-Kunsill tal-Ewropa biex matul is-summit tal-Istati Ewropej ta’ Nofsinhar tal-Ewropa huma jippruvaw jaħdmu kontra r-rapport imħejji mir-rapporteur speċjali Pieter Omtzigt dwar Malta.

Mallia bagħat dan il-messaġġ fuq grupp li fih hemm id-delegazzjoni Maltija u ħaddiema tal-Parlament fuq WhatsApp. Iktar tard huwa ħassar dan il-messaġġ.

Ir-rapport kien approvat; l-emendi mressqa minn Mallia kienu rrifjutati

Il-Membru Parlamentari min-Netherlands Pieter Omtzigt kien ġie appuntat bħala rapporteur mill-Kunsill tal-Ewropa sabiex jikteb rapport għall-Kunsill wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-investigazzjoni li segwiet.

Ir-rapport ġie addottat mill-Assemblea Parlamentari tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa waqt laqgħa li saret l-Erbgħa 29 ta’ Mejju f’Pariġi. Ir-rapport se jiġi diskuss f’dibattitu waqt is-sessjoni plenarja fi Strasburgu nhar l-Erbgħa 26 ta’ Ġunju.

Il-Membru Parlamentari Laburista Manwel Mallia rrappreżenta l-Gvern waqt il-laqgħa f’Pariġi u ppreżenta emendi lir-rapport. Għaldaqstant l-emendi ta’ Mallia ma kienux ġew approvati.

Xi jgħid ir-rapport?

Ir-rapport jikkonkludi li s-saltna tad-dritt f’Malta tinsab f’periklu kbir minħabba d-dgħufija fis-sistema taċ-checks and balance. Jgħid li l-Pulizija fallew b’mod konsistenti milli jinvestigaw persuni bħall-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li t-tnejn kienu frekwentament jissemmew fir-rapporti u l-investigazzjonijiet tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Hu innota li dawn l-individwi jgawdu impunità taħt il-protezzjoni personali tal-Prim Ministru stess.

Fil-konklużjoni, l-assemblea wissiet li d-dgħufija fiċ-checks and balances ta’ Malta mhux biss qed toħloq vulnerabbiltajiet lill-pajjiż inniffsu, iżda lill-Ewropa kollha. Fakkret ukoll li ċittadinanza Maltija tfisser ukoll ċittadinanza Ewropea, filwaqt li l-banek li jingħataw il-liċenzja f’Malta għandhom aċċess għas-sistema bankarja Ewropea.

Intant il-Gvern kien ikkritika r-rapport fejn qal li kien mimli ineżattezzi.