Ejja naħdmu biex Malta jerġa’ jkollha isem tajjeb fil-finanzi – Delia lil Muscat

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stieden lill-Gvern biex flimkien jipprovaw jsalvaw ir-reputazzjoni ta’ Malta u s-settur tas-servizzi finanzjarji.  Delia kien qed jitkellem fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista u saħaq li d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li ħa f’idejh is-servizzi finanzjarji minn taħt il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, kienet “demotion” għal Scicluna. Huwa nnotta li dan il-pass ittieħed wara każijiet tal-Bank Pilatus fost oħrajn.

Delia kien qed jitkellem fuq il-każ tal-ħasil ta’ flus li jinvolvi qraba tal-President tal-Veneżwela Nicholas Maduro u aktarx lilu stess. Il-Kap tal-PN innotta kif kien hemm bankier li diġa ammetta. Kieku Malta kellha reputazzjoni retta u tajba, dawn kienu se jażżardaw jiġu hawn, staqsa Delia.

Il-Kap Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-effett ta’ l-immigrazzjoni fuq il-Marsa. Huwa saħaq li, jgħid x’jgħid il-Prim Ministru n-nies xorta se jibqgħu jaqsmu mill-Afrika. Huwa saħaq li l-Gvern nesa n-nies tal-Marsa b’referenza għan-nies li spiċċaw jgħixu fil-ġonna u jitlajjaw fil-Marsa. Qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jara l-Marsa aħjar u jrid jara x’soluzzjonijiet jistgħu joffru bħala pajjiż għal Marsa. Meta tkellem fuq l-ammont ta’ nies li se jkunu qed jiġu joqgħodu Malta, Delia staqsa fejn se jkunu qed joqgħodu s-70,000 li rrefera għalihom Muscat. Saħaq li Malta ma għandiex pjan għal dan it-tip ta’ influss u li l-investiment fit-toroq li qed isir bħalissa mhuwiex biżejjed ladarba jitlestew, jekk jiġu daqstant nies. Huwa saħaq li hemm bżonn pjan fit-tul.

Tkellem ukoll fuq l-ambjent fejn saħaq li hemm bżonn li l-gvern jieħu ħsieb ir-riżorsi ta’ Malta. Huwa wera tħassib serju li l-ammont ta’ pompi tal-petrol li qed jiġu approvati u li jkopru għadd ta’ tmiem ta’ raba huwa ‘pjannar tal-bieraħ’ meta l-futur huwa l-karozzi tal-elettriku li mhux se jkollhom bżonn dawn il-pompi massivi.

Delia sostna li l-iskart jista’ jintuża bħala riżorsa iżda minflok lanqas biss għandna fejn narmu l-iskart sew.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fuq it-talba li saret mill-PN stess lill-Awditur Ġenerali fuq il-kuntratt ta’ kwart ta’ biljun li nħareġ b’direct order fuq il-gazzetta tal-Gvern. Delia rrefera għall-każ bħala wieħed li juri li l-Gvern qiegħed f’ “konfużjoni miegħu inifisu”. Delia qal li jeżistu liġijiet kemm Maltin kif ukoll Ewropej ta’ kif għandhom jingħataw il-kuntratti pubbliċi. Huwa saħaq li l-Oppożizzjoni se tkun bħal seqer fuq l-għoti tal-kuntratti.