Poeżija tal-Kav. Joe M Attard
Din is-sena l-wasla tiegħek
O Gesu’ ħelu bambin
Hi waħda xi ftit imċajpra
B’dawn il-jiem hekk imtappnin!
Għaliex din il-pandemija
Magħrufa b’Covid dsatax’
Xterdet b’ħeffa ma’ dal-globu –
Teħles minnha ma tistax.
Malta w Għawdex le ħelsuha
Mid-daqqa ta’ dil-mannara
U kulfejn int ħarstek titfa’
Ma tarax ħlief hemm u ħsara.
Wara kollox anke l-qagħda
Illi fiha int twelidt
Ma kenitx ħielsa min-niket
Żgur ma xtaqtx jew lilha ridt
Imma bla ebda tgergira
Qgħadt għar-rieda tas-Smewwiet
U twelidt fqajjar u għeri
F’ħemda, f’dalma u fil-kwiet!
Wara vjaġġ riskjuż, diffiċli
Ommok waslet bi tbatija
Riekba fuq daqsxejn ta’ ħmara
Mixtieqa għal dik is-siegħa
Li tarak ċkejken titwieled
Fuq ftit tiben ġo maxtura
Fejn ftit wara ġew ir-ragħajja
Sabiex lilek dlonk tadura.
Tassew kienu xxurtjati
Dik il-baqra, dik il-ħmara,
Li bin-nifs sħajjen minn tagħhom
Flimkien saħħnu dik is-sahra.
F’ħakka t’għajn qtajjiet ta’ anġli
Mal-inħawi taw l-aħbar
Li r-Re tad-dinja kollha
Kien twieled għaż-żgħar u l-kbar.
Din il-ġrajja għadna nfakkru
Bil-presepju ġewwa d-dar;
Fejn inti tara l-pasturi –
Taż-żaqq, xi ragħaj, xi furnar
Fit-triq tisma’ l-kant tal-‘carols’,
Ġenn u ġiri għar-rigali,
Imma l-ikbar rigal jibqa’
Dit-tarbija hekk speċjali.
Illi lejha rridu nduru
Biex ngħixu ilkoll henjin;
Gesu’ saltan fil-qlub tagħna
Matul is-snin li ġejjin.
Eħlisna minn din l-imxija
Li niżżlitna għarkubbtejna
Tħalliniex nogħtru, nitnikktu
Imma pront aqbdilna idejna.
Mill-ġdid reġġa’ l-ferħ fi djarna
Dawn il-ġranet tal-Milied;
Ġib lura dik it-tbissima
Ġo l-irħula u l-ibliet.
Dal-Milied la tħallihx jgħaddi
Bla ma nersqu iktar lejk;
Il-milja tal-hena nsibu
Meta lkoll nintasbu ħdejk!