Eħilsuha qabel il-Milied – Evarist Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qed jappella lill-Gvern Laburista, li hu parti minnu, biex jieħu passi għax il-familji Maltin u Għawdxin jixtiequ jgħaddu l-jiem tal-Milied u l-bidu tas-sena l-ġdida fis-serenità u fil-paċi.

Fuq il-mezzi soċjali, Bartolo qal li l-passi għandhom jittieħdu biex titnaqqas it-tensjoni li hawn, u jagħtihom is-serħan tal-moħħ u ħajja normali. Saħaq li l-familji Maltin u Għawdxin iridu lill-Gvern Laburista joħroġ mill-koma li jinsab fiha u jerġa’ jibda jmexxi u jtejjeb l-għajxien tal-poplu.

Minkejja li ħabbar ir-riżenja fl-1 ta’ Diċembru li għadda, Joseph Muscat se jibqa’ Prim Ministru sakemm jintgħażel mexxej Laburista ġdid.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Ministru Bartolo tella’ messaġġ kuljum fuq Facebook b’appelli kontinwi dwar is-sitwazzjoni kurrenti fil-pajjiż.