“Eħilsu lit-terrorista Iraqqina jew imut il-bdot Ġordaniż” – L-Istat Iżlamiku

Ultimatum ġdid mingħand l-Istat Iżlamiku hekk kif matul il-lejl, ħareġ filmat jhedded li sakemm illum tinżel ix-xemx, il-Ġordan irid ikun ħeles lit-terrorista Sajida al Rishawi u jilħaq jeħodha mal-fruntiera tat-Turkija. 
Fil-filmat, li tpoġġa fuq YouTube u tneħħa ftit ħin wara, jitkellem raġel jgħid li hu Kenji Goto, il-ġurnalist Ġappuniż li qed jinżamm ostaġġ mill-estremisti Iżlamiċi. 
Goto qal li jekk ma tinħelisx it-terrorista, se jinqatel minnufih il-bdot Ġordaniż Muath al-Kasaesbeh. 
Sal-bieraħ filgħaxija, Al-Jazeera kienet qed tirraporta li l-Ġordan aċċetta li tinħeles il-priġuniera Iraqqina u tingħata f’idejn l-Istat Iżlamiku.
It-terrorista Iraqqina Sajida al Rishawi, hi kkundannata għall-mewt wara li kienet għamlet parti mill-grupp li fl-2005 f’Amman il-Ġordan, wettaq tliet attakki u mietu 60 persuna.