Eħilsu lil dawk li qed iżżommu illegalment f’detenzjoni – NGOs lill-Gvern

Read in English.

Aktar minn 30 NGO qed jitolbu lill-Gvern Malti biex jeħles lil dawk il-persuni li qed ifittxu l-ażil mid-detenzjoni illegali.

Fi stqarrija, 34 għaqda qalu li jinsabu konċernati dwar id-detenzjoni fuq allegati raġunijiet mediċi ta’ mijiet ta’ persuni li qed ifittxu l-ażil fl-Initial Reception Centre u fil-Barracks ta’ Ħal Safi. L-għaqdiet qalu li f’ħafna każijiet, id-detenzjoni hija illegali.

Fost l-għaqdiet li ffirmaw l-istqarrija hemm l-fondazzjoni aditus, Dar tal-Providenza, JRS Malta, u l-Moviment Graffitti.

L-għaqdiet qalu li l-liġi nazzjonali tippermetti lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jillimitaw il-moviment ta’ persuna għal screening mediku għal perjodu li ma jaqbiżx l-erba’ ġimgħat. Il-perjodu jista’ jiġi estiż sa għaxar ġimgħat biex jiġu ffinalizzati t-testijiet neċessarji.

Skont l-għaqdiet hemm persuni li qed jiġu miżmuma bl-iskuża li jrid isirilhom test tat-tuberkulosi għal perjodu li jvarja minn ftit jiem sa 13-il ġimgħa wara li jkunu ġew Malta. Qalu li hemm mijiet ta’ persuni inkluż tfal li ilhom miżmuma għal tmien ġimgħat jew aktar u li dan huwa aktar żmien milli hemm bżonn biex isiru t-testijiet. Ħadd ma qal lill-persuni kemm fadlilhom jistennew.

L-għaqdiet qalu li n-nies qed jinżammu f’kundizzjonijiet iffullati mingħajr l-opportunità li jagħmlu xi ħaġa utli bil-ħin tagħhom. Intqal li f’kundizzjonijiet bħal dawn ma tkunx sorpriża jekk tikber it-tensjoni.

Fi kliem l-għaqdiet, ir-raġuni primarja għal din id-detenzjoni hija n-nuqqas ta’ spazju li hemm fiċ-ċentri miftuħa.

L-għaqdiet appellaw lill-Gvern biex jalloka r-riżorsi neċessarji biex ikun hemm biżżejjed spazju għall-persuni li qed ifittxu l-ażil.