Egrant: Żvelat il-pjan għal entità bejn iċ-Ċina u Malta; Mizzi jirreaġixxi

Credit: The Running Commentary - Daphne Caruana Galizia

Read in English.

Il-pjan biex tinħoloq entità li tara li “tippromwovi l-investiment bejn iċ-Ċina u Malta” nkixef permezz tal-inkjesta Egrant. L-entità proposta kellha tkun reġistrata Malta u “kontrollata 100% minn kumpanija holding mill-Gżejjer Verġni Brittaniċi.” Dan ħareġ minn email iddatat mill-24 ta’ Ġunju 2014.

Ir-rapport tal-inkjesta Egrant ġie ppubblikat illum mill-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wara ġlieda legali fil-qorti. F’sezzjoni mir-rapport tal-inkjesta, l-accountant forensika Miroslava Milenovic rat il-komunikazzjoni bejn Konrad Mizzi, Keith Schembri, Brian Tonna u Cheng Chen minn Shanghai Electric Power.

L-accountant innutat li huwa evidenti li hemm relazzjoni mill-qrib bejn Konrad Mizzi, Keith Schembri u Brian Tonna.

L-email tas-Sur Cheng jgħid hekk:

“(…)to discuss tomorrow (…) meeting with you (Mr Mizzi), Keith (Mr Keith Schembri) and Brian (Mr Brian Tonna) to finalize business model (…) energy related topics, real estate, tourism (…) meeting with Maltese experts to understand the potential as off-shore investment hub for Chinese (…)”

Fil-komunikazzjoni li ra espert appuntat mill-Qorti, għall-hekk imsejjaħ MACHIN Project, kellha tinħoloq sħubija pubblika-privata biex ikollha l-għan li taġixxi bħala l-unika entità awtorizzata mill-Gvern Malti bħala aġent għall-promozzjoni tal-investiment fiċ-Ċina.

Ir-rapport jgħid li dan jista’ jsir ma’ xi ħadd bl-isem Sai, li l-accountant forensiku nnutat li possibbilment qed jirreferi għal Sai Mizzi Liang, mart Konrad Mizzi. Ġiet proposta wkoll aġenzija tal-emigrazzjoni fiċ-Ċina.

Cheng Chen waqqaf kumpanija fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi fi Frar tal-2015 permezz ta’ Nexia BT. Il-ġurnal Times of Malta kien żvela li investigaturi kontra l-ħasil tal-flus fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi kienu qegħdin ifittxu informazzjoni fuq Chen li kien konsulent u kien involut f’part-sale tal-Enemalta ta’ €320 miljun.

L-accountant forensika qalet li ma kienx hemm rekords li Mizzi jew membri tal-familja tiegħu kellhom kontijiet bankarji fil-Bank Pilatus.

Mizzi jirreaġixxi

Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta Egrant, Mizzi qal li l-proposta msemmija fir-rapport ma ġietx żviluppata, u ġiet irrifjutata. Fl-istqarrija tiegħu qal li l-Gvern jirċievi diversi proposti għall-investimenti, “uħud minnhom f’forma ta’ kooperazzjoni mal-Gvern.”

Mizzi żied jgħid li martu Sai Mizzi, li dak iż-żmien kienet rappreżentanta tal-Malta Enterprise fiċ-Ċina, qatt ma ġiet avviċinata biex taħdem fuq din il-proposta.

L-eks Ministru għall-Enerġija u t-Turiżmu qal li hu “sodisfatt” li l-inkjesta kkonfermat li qatt ma kellu kontijiet bankarji fil-Bank Pilatus. Ikkonkluda billi qal li qatt ma rċieva fond mill-Ażerbajġan u qatt ma wettaq il-ħasil tal-flus. “L-allegazzjonijiet kollha fuqi rriżultaw li kienu foloz,” temm jgħid.