Egrant: X’qal fix-xhieda tiegħu Joseph Muscat?

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien l-ewwel xhud tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama. Huwa xehed fit-22 ta’ April tal-2017.

Fix-xhieda li ta tkellem dwar bosta allegazzjonijiet u stejjer li kienu ħarġu b’rabta miegħu u ma’ martu, partikolarment dwar jekk kienx hemm rabta bejn il-familja Muscat u l-kumpanija Egrant, ir-relazzjoni tiegħu mas-sid tal-Bank Pilatus u mal-President tal-Ażerbajġan u familtu.

Fil-bidu tax-xhieda tiegħu, Muscat qal li l-inkjesta qed issir wara li hu stess talab lill-Avukati tiegħu jitolbu lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jiġi investigat ħalli joħorġu l-fatti kollha.

“Jien fl-ebda ħin u mument ma kelli la din il-kumpanija, la xi kont, la xi ħaġa li mhix dikjarata fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħi fix-xogħol bħala Prim Ministru u Membru Parlamentari,” qal Muscat.

Hu ċaħad kategorikament li qatt ħa xi ċenteżmu illeċitu. “Jien dejjem għamilt xogħli mingħajr ma tlabt u ħadt xejn sur Maġistrat,” qal Muscat.

‘Ħadniha biċ-ċajt li isem Michelle seta’ joħroġ’

Dwar l-allegazzjonijiet li ħarġu fil-konfront ta’ Michelle Muscat b’rabta mal-kumpanija Egrant, hu sostna li meta kien hemm ix-xniha tiġri li isimha seta’ jiġi mċappas b’dan il-mod, huma ħaduha bħala ċajta.

Mistoqsi jekk kienx avviċinat jew tkellimx ma’ xi ħadd dwar il-kumpanija Egrant jew jekk kellux xi interess dirett jew indirett, Muscat qal li la tkellem ma’ nies dwar l-inkorporazzjoni tagħha u lanqas qatt kellu xi interess fiha.

Muscat qal li ra d-dokument li kien ħareġ onlajn u kien irrimarka d-difetti tiegħu. Fosthom hu semma li ż-żmien dokumentat li suppost sar trasferiment ta’ ishma mis-subscribers lil martu, kien sentejn wara li l-ishma kienu għaddew għand Brian Tonna.

Intant, Muscat qal li wara l-inkjesta se jieħu l-passi meħtieġa biex jinqabad min, kif u għaliex għamel din il-fabbrikazzjoni fil-konfront tiegħu u ta’ martu.

It-tieġ ta’ Ali Sadr okkażjoni għal vaganza f’Firenze għall-PM u martu

Muscat insista li la hu u lanqas familtu ma għandhom xi kont jew relazzjoni mal-Bank Pilatus. Sostna li la kellhom karti tal-kreditu, la xi kont, la ħaġa u oħra fil-konfront ta’ xi kumpanija li setgħet qatt kienet tal-familja.

Minkejja dan, hu kien mistieden għat-tieġ ta’ Ali Sadr. It-tieġ qal li serva bħala okkażjoni tajba għalih u martu Michelle sabiex jieħdu btala Firenze. Qal ukoll li hu kien interessat li jattendi t-tieġ partikolarment għax kien se jkun hemm ukoll is-sid ta’ COCA COLA ta’ dak iż-żmien u ried jara kif jista’ jagħmel negozju miegħu. Fisser li allura dan it-tieġ seta’ jġib opportunità ta’ negozju għall-pajjiż.

Fl-aħħar jiem ħareġ li għal dan it-tieġ kien mistieden ukoll Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Hu u jitkellem dwar ir-relazzjoni ma’ Ali Sadr, hu spjega li kien iltaqa’ miegħu bħalma ltaqa’ ma’ ħafna sidien li kellhom investiment fil-pajjiż. Qal li b’kollox kien iltaqa’ ma’ Ali Sadr xi sitt darbiet.

Muscat jiltaqa’ mal-President tal-Ażerbajġan

Muscat spjega li ltaqa’ mal-President tal-Ażerbajġan numru ta’ drabi. Qal li hu ltaqa’ miegħu f’żewġ laqgħat bilaterali fl-Ażerbajġan. Il-midja Maltija ma kinitx mgħarrfa b’waħda miż-żjarat. Intant, qal li huma kienu ltaqgħu fi Brussell u l-Litwanja għal laqgħa bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u tal-Eastern Partnership.