Egrant: “Simon Busuttil m’għandux jirreżenja” – Carmel Cacopardo

Iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, il-Perit Carmel Cacopardo, qal li jemmen li wara r-rapport tal-Egrant, Simon Busuttil m’għandux jirriżenja għax diġà ġarr ir-responsabbiltà politika tiegħu meta telaq minn Kap tal-Partit Nazzjonalista wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Fil-programm Newsline fuq RTK103FM ippreżentat minn Desmond Zammit Marmara u l-Perit David Vassallo, Carmel Cacopardo qal li Busuttil għamel żball politiku kbir u diġà refa’ r-responsabbiltà tiegħu. Madankollu, qal li t-talba għar-riżenja trid tittieħed fil-kuntest ta’ dak li ddeskriva bħala “il-logħba ċess interna fi ħdan il-PN.”

Dwar il-konklużjonijiet tar-rapport Egrant, Cacopardo saħaq li mhuwiex faċli li tipprova l-korruzzjoni, u ħeġġeġ għal investigazzjoni iktar dettaljata dwar il-firem foloz. Sostna li l-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja ma tistax tintuża bħala washing machine biex tnaddaf lil kull minn kien iffaċċjat b’xi allegazzjoni ta’ korruzzjoni.

Tkellem b’mod partikolari dwar ix-xhieda ta’ Jacqueline Alexander fl-inkjesta, fejn qal li din ma xehditx b’viva voce iżda b’ittri rogatorji. Spjega li min ikun hemm quddiemha fix-xhieda, mhux bilfors ikun infurmat sew dwar l-allegazzjonijiet li qed jiġu investigati. Filwaqt li qal li hemm l-obbligu tar-rispett lejn il-qrati, ma jfissirx li l-qrati huma infallibbli.

Dwar ir-rapport tal-FIAU li ppubblika l-MEP Nazzjonalista David Casa, iċ-Chairperson tal-AD qal li filwaqt li dan ir-rapport huwa abbozz, xorta ma jistax jiġi injorat. Qal li l-mistoqsija hi għaliex ir-rapport ma ġiex konkluż mill-FIAU u staqsa min se jwieġeb għal dan.

Carmel Cacopardo argumenta li m’għandhomx jittieħdu passi fil-konfront ta’ David Casa, iżda “kontra min għamel id-delitt kontra l-pajjiż” meta waqqaf il-konklużjoni ta’ dan ir-rapport.

Tkellem dwar il-PN fejn sostna li n-nies ta’ madwar Adrian Delia mhux qed ikunu kredibbli u konsistenti fil-pożizzjonijiet li qed jieħdu.  Qal li jekk Delia ma jibqax Kap tal-Oppożizzjoni, il-PN ikollu “ġlieda manja li ddum għaddejja xhur twal”.

Cacopardo temm jgħid li jekk il-partiti l-kbar jiddgħajfu jew jinqasmu, dan huwa ta’ vantaġġ mhux biss għall-pajjiż iżda għad-demokrazija ta’ Malta.