Egrant: Mizzi jgħid lill-Maġistrat li għandu pjanijiet oħra wara l-politika

Mizzi jgħid li Muscat kien jaf bil-kumpanija tal-Panama qabel ma' ħarġet fil-midja

Konrad Mizzi qal li jaf jagħmel “affarijiet oħra” wara l-ħajja politika tiegħu meta kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja. Bugeja kien qed jinvestiga l-kumpanija misterjuża Egrant.

Ix-xhieda ta’ Mizzi hija mniżżla fir-rapport sħiħ tal-inkjesta li ppubblika l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wara battalja fil-Qorti. Konrad Mizzi xehed fit-22 ta’ April 2017.

X’qal taħt ġurament Konrad Mizzi?

  • Qal li ma kellux relazzjoni bankarja ma’ Pilatus Bank
  • Ħadem ma’ Brian Tonna kemm ilu fil-Gvern. Jgħid li tahom ħafna pariri fuq diversi suġġetti. Ħa servizzi ta’ financial planning mingħandu
  • Jgħid li hu ried jiftaħ trust għall-familja. Din kellha kumpanija warajha li akwista fl-2015 u li ġiet inkorporata fit-trust
  • It-trust fi New Zealand jisimha “Rotorua”. Il-kumpanija tal-Panama kien jisimha “Hearnville Inc.”
  • Jgħid li Hearnville Inc. ġiet likwidata f’Jannar
  • Jgħid li t-trust u l-kumpanija tal-Panama tiegħu qatt ma kellhom kont tal-bank jew tranżazzjonijiet ma’ xi ħadd
  • Jgħid li qatt ma’ kellu negozju ma’ persuni mill-Ażerbajġan
  • Li ma sar xejn illegali imma mill-aspett politiku ma messux għamel li għamel
  • Jgħid li kważi qatt ma kellu kuntatt dirett ma’ Mossack Fonseca
  • Minn Nexia BT kien jitkellem ma’ Karl Cini

Mistoqsi għalfejn ma fetaħx trust f’Malta, Mizzi qal li ma tantx hawn ħafna kumpaniji li jagħmluhom. Żied jgħid li dawk li jagħmluhom kien qed jaħdem magħhom regolari mill-aspett ta’ Gvern.

Il-Maġistrat staqsieh dwar l-istruttura li fetaħ.

Konrad Mizzi: Jiena ovvjament min-naħa tiegħi kont poġġejt flimkien mal-advisers tagħna x’options hemm ta’ family planning, family estate planning, ħalli ma tinftihemx mod ieħor.

Maġistrat: Nassigurak li korrettament fhimtek kompli

Mizzi spjega li flimkien ma’ martu Sai għandhom dar Londra li tiġi mikrija. Qal li għandu karriera internazzjonali u li jaf jagħmel “affarijiet oħra” wara l-politika. Ħass li għandu jiftaħ struttura għall-bżonnijiet tiegħu. Iddeċidew li jiftħu trust fi New Zealand fl-2015.

Nexia BT tawh parir li għandu bżonn kumpanija wara t-trust li tkun tista’ żżomm l-assi. Akkwista shell company fl-2015 minn service provider. Kompla jgħid li din il-kumpanija ġiet “settled” fit-trust u li ma baqgħetx tiegħu.

Il-kumpanija wara t-trust (“underlying company”) kienet Hearnville Inc. Din ġiet reġistrata fil-Panama. Jgħid li din ix-shelf-company kienet għand Nexia BT.

Jgħid li Nexia BT għamlu numru ta’ mistoqsijiet ma’ diversi banek dwar il-ftuħ ta’ kontijiet għat-trust u għall-kumpanija tal-Panama. Nexia BT kellhom il-permess biex jagħmlu dan mingħand Konrad Mizzi. Però Mizzi jgħid li qatt ma ffirma formoli għall-ftuħ tal-kontijiet.

“Il-Prim Ministru kien jaf li kien hemm a trust and an underlying company u kont spjegajtlu r-raġunijiet qabel ma ħarġet fil-midja u qabel ma ġara xejn minn dan,” qal Mizzi.

Mizzi jgħid li laqa’ din l-inkjesta li saret dwar l-Egrant għaliex tefgħet id-dawl fuq il-verità. Qal li hu wkoll qed ifittex il-verità.

Bħalissa Konrad Mizzi huwa MP tal-Partit Laburista. Fl-2019 irreżenja mill-kariga ta’ Ministru għat-Turiżmu.

X’allegat Daphne?

Li l-kumpanija ta’ waħda mill-bniet tal-President tal-Ażerbajġan trasferixxiet ammont kbir ta’ flus lil Hearnville Inc.     

F’April tal-2016, Caruana Galizia kienet qalet li Mossack Fonseca avviċinat mill-inqas disa’ banek biex tiftaħ kontijiet għall-kumpanija ta’ Mizzi.

Caruana Galizia tgħid li Nexia BT fetħet 14 mill-kumpaniji li jissemmew fil-Panama Papers. Minn dawn 3 biss infetħu fil-Panama – Egrant, Tillgate Inc. (il-kumpanija ta’ Keith Schembri), u Hearnville Inc. (ta’ Konrad Mizzi).

Caruana Galizia tispjega li dawn it-tliet kumpaniji infetħu bejn it-8 u l-15 ta’ Lulju 2013, ftit wara l-elezzjoni ta’ dik is-sena li rebaħ il-Partit Laburista.

X’rapporti ħarġu mill-inkjesta?