Egrant: Ma nħossnix komdu nħalli flus Malta – Keith Schembri

X'qal Schembri fix-xhieda tiegħu fl-inkjesta dwar Egrant?

Read in English.

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri qal li ma jħossux komdu jħalli assi finanzjarji f’Malta. Dan qalu waqt li kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja waqt li kienet qed issir l-inkjesta dwar il-kumpanija misterjuża Egrant.

Schembri xehed fit-22 ta’ April 2017.

X’ħareġ aktar mix-xhieda ta’ Schembri?

  • Għandu kont ma’ Pilatus Bank li jaħseb li fetħu fl-2015. Fih hemm €100,000
  • Schembri jgħid li qatt ma għamel negozju mal-Ażerbajġan
  • Jgħid li għandu kontijiet mal-HSBC, il-BOV, u l-Banif
  • Ikkonferma li huwa l-ultimate beneficiary owner ta’ Tillgate Inc. Jgħid li qatt ma kellha kontijiet bankarji
  • Ilu jaf lill-accountant Brian Tonna ta’ Nexia BT minn meta kellu 19-il sena
  • Jgħid li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ħolqitlu ħafna inkwiet fil-ħajja personali tiegħu

Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li Mossack Fonseca avviċinat disa’ banek biex tipprova tiftaħ kont għal Tillgate Inc.

Għaliex waqqaf Tillgate Inc?

Keith Schembri qal li ried jikkonsolida l-istruttura tal-grupp tiegħu b’mod tajjeb. Jgħid li l-holding group tinvesti f’ħafna kumpaniji oħra. Ingħata parrir biex jiftaħ trust f’Malta u fetħu mal-Bank of Valletta.

Qal li t-trust mal-BOV fetħu wara l-elezzjoni tal-2013.

Schembri jgħid li beda jisma’ li l-oppożizzjoni taf bit-trust tiegħu u li mbagħad ħarġet fil-midja. Kiteb ittra liċ-Chairperson Joe Cassar White. Qallu li hu marbut b’kunfidenzjalità dwar l-assi personali tiegħu.

Jgħid li Cassar White qallu li jifhem u li se tinfetaħ investigazzjoni. Ikompli jgħidlu però li hemm ħafna impjegati li għandhom aċċess għall-kontijiet.

Schembri jgħid lill-Maġistrat li kieku ma kienx fil-pożizzjoni tiegħu kien ifittex lill-BOV għal ksur tad-drittijiet bankarji tiegħu.

Schembri jgħid li tkellem mal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar is-sitwazzjoni li kien jinsab fiha. Qallu li għandu żewġ għażliet – jew li jfittex il-bank jew inkella li jħalli kollox jgħaddi qisu xejn mhu xejn.

Schembri jgħid li ħa parir. Jgħid li mhux komdu bit-trust fil-BOV għal żewġ raġunijiet. Waħda minħabba dak li ġralu u t-tieni għax kienu se jgħaddu t-trusts lil kumpaniji oħra.

Ingħata parir jiftaħ trust f’Singapore jew fi New Zealand. Għażel New Zealand u rċieva parir li biex jagħmel dan, l-aktar mod faċli kien billi jiftaħ kumpanija fil-Panama.

“U hekk għamilt,” qal Schembri. Spjega li l-kumpanija Mossack Fonseca fetħet it-trust tiegħu.

Skont l-inkjesta, “Tillgate Inc. għalhekk ġiet miftuħa bis-servizzi ta’ Mossack Fonseca li kienet ġiet trasferita fi trust f’New Zealand.”

X’rapporti ħarġu mill-inkjesta?