Egrant: L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jipproteġi “terrorista” – John Dalli

Dalli jgħid li ma kienx konsulent ta' Muscat

Read in English.

L-eks Kummissarju Ewropew John Dalli qal li xi ħadd mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jipproteġi lit-“terrorista” Daphne Caruana Galizia.

Dalli qal dan waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant.

Dalli xehed fit-22 ta’ April 2017.

X’qal taħt ġurament John Dalli?

  • Kellu kont kurrenti ma’ Pilatus Bank. Kien fih €1,000
  • Qatt ma saru tranżazzjonijiet fil-kont u spiċċaw il-flus minħabba ċ-charges kollha tal-bank
  • Fetaħ il-kont biex jara kif jopera l-bank
  • Ma jiftakarx meta fetaħ il-kont, però ma fetħux meta kellu xi funzjoni pubblika
  • Il-kont ingħalaq fl-2014
  • Li hi gidba li ried jagħmel trust fil-Bahamas
  • Attenda business lunch mad-diriġenti tal-Bank Pilatus

John Dalli qal li hu ma kienx konsulent tal-Prim Ministru. Qal li tqabbad jagħmel studju ta’ kif jista’ jiġi riorganizzat l-isptar Mater Dei. Lestieh fl-2013.

John Dalli qal lill-Maġistrat li fl-2016 Caruana Galizia kienet allegat li l-kumpanija Egrant hija tiegħu.

Huwa minnu li Caruana Galizia għamlet żmien taħseb li Egrant kienet ta’ Dalli, però wara kitbet li hija tal-mara tal-Prim Ministru Michelle Muscat. Il-Maġistrat qal li ma kinetx instabet evidenza li turi li hija ta’ Muscat. L-identità tas-sid ta’ Egrant għadha mhux magħrufa pubblikament sal-lum.

Waqt li kien qed jixhed Dalli tkellem dwar il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Qal li hu jirreferi għaliha bħala “terrorista”.

Dalli jgħid li sitt xhur qabel ma’ xehed fl-inkjesta Egrant għamel rikors lill-Pulizija kontra Caruana Galizia għal fastidju.

Silta mir-rapport Egrant

Waqt li kien qed jixhed Dalli qal ukoll li kien għadda liġi fil-Parlament biex t-tranżazzjonijiet tal-bank ikunu kunfidenzjali. “Daphne Caruana Galizia għandha l-immunità li tista’ tiksirha x’ħin trid?” staqsa Dalli li lmenta li ġie żvelat li kellu kont ma’ Pilatus Bank.

Fl-2012, Dalli li kien kummissarju Ewropew għas-saħħa kien imġiegħel jirriżenja wara li inkjesta tal-uffiċċju kontra l-frodi tal-UE, l-OLAF,  kien sab li Dalli kien marbut ma’ attentat biex tiġi influwenzata leġiżlazzjoni dwar it-tabakk. L-uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi, OLAF, sab li negozjant Malti pprova juża l-kuntatti tiegħu ma’ Dalli għal skopijiet finanzjarji. Dalli dejjem saħaq li kien innoċenti.

X’rapporti ħarġu mill-inkjesta?