Egrant: L-imejls ta’ uffiċjali għolja f’Pilatus mhux disponibbli

Read in English.

Esperti maħtura mill-Qorti ma analizzaw l-ebda imejl tat-tim maniġerjali tal-Bank Pilatus.

Accountants forensiċi minn Harbinson Forensics ġew imqabbda janalizzaw kull informazzjoni diġitali elevata waqt l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama mmexxija minn Aaron Bugeja, illum Imħallef. L-informazzjoni kienet tinkludi wkoll data diġitali li ġiet elevata waqt l-inkjesti li saru dwar Willerby u Hillman, li tmexxew mill-Maġistrati Natasha Galea Sciberras u Josette Demicoli rispettivament.

Din l-informazzjoni ġiet pubblika wara li Dr Adrian Delia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant madwar 30 siegħa wara li kiseb kopja tar-rapport wara battalja legali twila.

Ir-Rapport tal-Inkjesta Egrant għadda għand il-Prim Ministru Joseph Muscat f’Lulju tal-2018. L-Avukat Ġenerali Peter Grech kien ikkontesta t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jingħata kopja.

Miżmuma fil-cloud; tibqa’ fil-cloud

Fir-rapport imħejji minn Harbinson Forensics, l-esperti spjegaw li wħud mill-imejls tal-Bank Pilatus kienu miżmuma fil-cloud, u ma kinux disponibbli għalihom.

Ir-rapport jgħid li, filwaqt li wħud mill-impjegati ta’ Pilatus kellhom l-imejls ikkuppjati fil-laptops tagħhom u ġew eżaminati mit-tim, l-informazzjoni elevata ma “kinitx tinkludi imejls ta’ uffiċjali għolja ta’ Pilatus”.

Fost l-uffiċjali għolja tal-bank, li issa m’għadux jopera, kien hemm is-sid u ċ-ċermen tal-Bank, Ali Sadr Hasheminejad, li bħalissa jinsab taħt ħelsien mill-arrest fl-Istati Uniti. Huwa qed jaffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus u ksur tas-sanzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Uniti.

L-accountants forensiċi ġew imqabbda janalizzaw id-dokumenti pprintjati u diġitali biex jistabbilixxu jekk l-allegazzjonijiet li saru mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, jistgħux jiġu kkonfermati.

Żewġ timijiet, wieħed rappreżentat minn Miroslava Milenovic u ieħor minn Harbinson Forensics, kellhom dokumenti pprintjati u diġitali li ġew elevati mill-Bank Pilatus u Nexia BT, kif ukoll dokumenti minn xhieda oħra. It-timijiet forensiċi kellhom struzzjonijiet biex jiksbu informazzjoni oħra relevanti għall-inkjesta maġisterjali u li tista’ tiġi vverifikata minn sorsi internazzjonali.

Mir-rapport dwar Egrant jirriżulta li fil-proċess li tiġi ppreservata d-data mill-Bank Pilatus u Nexia BT, li kienu mniżżla bħala żewġ partijiet ewlenin (mhux l-uniċi), waħda mill-kunsiderazzjonijiet prinċipali kienet li tiġi assigurata ħsara minima għaż-żewġ operaturi. Dan anke jekk f’ċertu eventwalitajiet kienet tfisser li l-integrità tad-data titpoġġa f’riskju bla bżonn.

Fil-każ ta’ Pilatus, l-espert tal-IT irrakkomanda li biex jippreserva d-data mill-backups (mingħajr ma jirriskja li jinbidlu), iridu jitpoġġew offline. Madanakollu, rappreżentanti tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) jiġu kkwotati jgħidu li dan l-approċċ, anke jekk jirriskja l-integrità tad-data analizzata, jippreġudika l-konformità tal-bank mal-obbligi tal-liċenzja.

Sorsi mis-settur tas-servizzi finanzjarji esprimew it-tħassib u d-dubju tagħhom ma’ Newsbook.com.mt, dwar din ir-raġuni, hekk kif il-bank ġie ssiġillat u għaldaqstant it-tranżazzjonijiet suppost twaqqfu.

Inkjesti li għadhom għaddejjin

Willerby Trade Inc twaqqfet fil-British Virgin Islands fid-19 ta’ Marzu 2013 minn Brian Tonna. Dan kien ġimgħa biss wara li Joseph Muscat u Keith Schembri ħadu l-karigi rispettivi tagħhom f’Kastilja. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qed tiġbor l-evidenza dwar ir-raġunijiet wara ż-żewġ pagamenti ta’ €50,000-il wieħed li għaddew bejn Tonna u Schembri. Analiżi mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) sabet suspett raġjonevoli li tinvestiga l-allegazzjoni li l-pagamenti kienu intenzjonati bħala kickback għal Schembri minn Nexia BT.

Il-Maġistrat Josette Demicoli qed tanalizza €600,000 f’allegati pagamenti li għaddew mingħand Schembri għal Adrian Hillman, li kien direttur maniġerjali ta’ Allied Group. Dawn l-allegati pagamenti għaddew permezz ta’ kontijiet bankarji f’Malta u offshore, u permezz ta’ kumpanija lokali ta’ investiment.