Egrant: L-AĠ jgħaddi r-rapport lil Delia

Ir-rapport dwar Egrant jasal għand il-Kap tal-Oppożizzjoni

L-Avukat Ġenerali bagħtli kopja tar-rapport sħiħ dwar Egrant wara li l-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li kisirli d-drittijiet fundamentali tiegħi kif protetti mill-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex b’hekk apparti li kisirli d-dritt tal-libertà tal-espressjoni kisirli ukoll id-dritt tiegħi li ma niġix diskriminat politikament.

Posted by Adrian Delia on Monday, December 16, 2019

L-Avukat Ġenerali għadda kopja tar-rapport tal-inkjesta Egrant lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, illum waranofsinhar. Kelliem għall-Partit Nazzjonalista kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li r-rapport wasal id-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà ftit tal-ħin ilu.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li kien għall-ħabta tas-2.30pm li l-AĠ għadda kopja uffiċjali u ċertifikata tal-oriġinali tal-proċess verbal tar-rapport lill-Kap tal-Oppożizzjoni. L-AĠ iċċara li dan sar wara li saru u ġew ċertifikati l-kopji tad-dokument.

Il-Qorti tal-Appell dalgħodu ordnat li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jingħata kopja tar-rapport, li ħareġ bħala riżultat ta’ inkjesta tal-kumpanija bbażata fil-Panama. Id-digriet ingħata dalgħodu mill-Prim imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul.

Mill-Qorti, Adrian Delia mar fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li qallu li se jinvoka li jeżegwixxi s-sentenza dwar l-inkjesta Egrant wara jumejn. Dr Delia stqarr li d-deċiżjoni tal-Qorti llum sabet li l-AĠ kiser il-kostituzzjoni tal-pajjiż. Żied jgħid li għaldaqstant, l-Avukat Ġenerali għandu jirriżenja.