MEPs jitolbu lill-Greċja biex ma tibgħatx lil Efimova lura Malta

Aġġornata 20.03.2018 18:56
Il-membri tal-kumitat tal-Parlament Ewropew li kienu żaru Malta b’rabta mal-liġi tad-dritt fil-pajjiż, talbu lill-awtoritajiet Griegi biex ma jibagħtux lura Malta lill-whistleblower Maria Efimova minħabba s-sigurtà tagħha.
L-MEPs qalu li Maria Efimova hija xhieda ewlenija fl-investigazzjonijiet li qed isiru dwar akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus f’Malta u għalhekk trid tingħata l-protezzjoni meħtieġa. Dan l-appell sar fl-isfond ta’ rapporti li jgħidu li Efimova marret għand il-Pulizija Griega f’Ateni biex titlob protezzjoni.
Huma appellaw sabiex ir-Russa u familtha jingħataw il-protezzjoni meħtieġa wara li allegatament marret għand il-Pulizija meta kienet qed tibża’ mis-sigurtà tagħha.
Aktar kmieni
Il-midja Griega qed tirraporta li l-whistleblower Russa Maria Efimova marret minn jeddha għand il-Pulizija f’Ateni ilbieraħ filgħaxija wara li s-sena l-oħra, Malta ħarġet mandat ta’ arrest internazzjonali.
Efimova, li kienet tkellmet mal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, kienet qalet li l-kumpanija Egrant twaqqfet biex permezz tal-Bank Pilatus jiġu mmaniġjati flus mingħand bint il-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev.
Is-sit Grieg huwa infurmat li Efimova għamlet dan minħabba biża’ li għad tispiċċa bl-istess destin bħal ġurnalista Maltija u għalhekk kienet irrikorriet għal Kreta, fejn ir-raġel u ż-żewġt itfal tagħha għexu.
Il-ġurnal jgħid ukoll li wara telefonati minn ħafna midja Ingliża li ppruvaw jinvolvu lil Efimova fil-konfrontazzjoni riċenti bejn l-Ingilterra u r-Russja, hija ddeċidiet li ċċedi u tagħmel kuntatt mal-awtoritajiet Griegi minħabba l-biża tal-ħajja tagħha u s-sigurtà tal-familja tagħha.
Ikompli jgħid kif wara l-qtil tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, bdiet kampanja fil-midja Ċiprijotta kontra Efimova, bil-għam li jċapsu lil Efimova mal-qtil tal-ġurnalista. Jgħidu wkoll kif il-membri Parlamentari Ewropej Anna Gomes, tal-Portugall, u Takis Hadjigeorgiou, minn Ċipru, staqsew mistoqsija lill-Avukat Ġenerali ta' Ċipru mingħajr ma rċevew tweġiba.
L-uffiċċju tal-prosekutur Grieg mistenni jiddeċiedi llum dwar id-destin tagħha.
Ana Gomez titlob lill-PM Grieg jipproteġi lil Efimova
Fuq twitter, Ana Gomes talbet lill-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras biex jassigua li Maria Efimova u l-familja tagħha jkollhom il-protezzjoni mill-Pulizija. Saħqet li l-periklu huwa reali. Mal-Membru Parlamentari Ewropew Gomes ingħaqdu l-Ewroparlamentari l-oħra fid-delegazzjoni li żaru Malta f'Diċembru li għadda fosthom l-Ewroparlamentari Malti David Casa.

https://platform.twitter.com/widgets.js

F’Jannar li għadda, Efimova qalet lil sit Ċiprijott li f’Novembru tas-sena l-oħra kien ġie rrappurtat mill-midja kollha f’Malta li kellha mandat t’arrest Ewropew fuq rasha, iżda kompliet tgħid li minn dakinhar sal-lum ivvjaġġat f’diversi pajjiżi Ewropej u mkien ma sabet lill-awtoritajiet jiġru warajha.
Is-sit Grieg jinnota kif mandat ta' arrest għal Efimova nħareġ mill-awtoritajiet Ċiprijotti fl-aħħar tal-2017, meta hi kienet telqet minn Ċipru biex taħdem f'Malta fl-2014.
Madankollu rrimarkat li l-affarijiet inbidlu ftit meta dak iż-żmien, persuni marru għand missierha fir-Russja u qalulu li qed ifittxu lil bintu f'Ċipru, u nħarġilha wkoll mandat t’arrest Ewropew.
Waqt laqgħa mal-Membri Parlamentari Ewropej permezz ta’ video conferencing, Efimova stqarret li hi ma kinitx is-sors oriġinali li kellha l-informazzjoni tal-kumpanija Egrant li ħarġet fuq il-blogg tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia s-sena li għaddiet.
Hawn taħt tista' taqra l-ittra li ntbagħtet lil Tsipras, bl-Ingliż.