Awdjo: Efimova qatlet lil Daphne? “Aġenda politika jew injoranza”

Wara li xi mezzi tax-xandir f’Ċipru kitbu  li l-whistleblower Russa Maria Efimova qed tiġi mfittxa b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-programm Newsline fuq l-RTK tkellem ma’ ġurnalista Ċiprijott biex jara kif kien possibbli li jsir żball oħxon dwar dan. 
Skont il-blog ta’ Manwel Delia din l-istorja li għandha aktar mill-fantasija milli mir-realta kienet irrappurtata fuq SigmaLive.com, Offsite.com.cy,Kathimerini.com.cy and 24sports.com.cy.
Il-ġurnalist ta’ Cyprus Business Mail Stelios Orphanides qal li aħbar ta’ din ix-xorta tista’ tkun dovuta għal żewġ possibiltajiet: jew li xi mezzi tax-xandir f’Ċipru għandhom l-aġenda politika tagħhom, jew inkella informazzjoni li ħarġet bi żball minħabba nuqqas ta’ ftehim tal-lingwa Ingliża. 
Il-ġurnalist Ċiprijott qal li ma jistax jeskludi li kien hemm xi intenzjoni speċifika li xi mezzi tax-xandir, riedu jirrapreżentaw lil Efimova bħala “qattiela”.
Stelios Orphanides semma kif sit partikolari tal-aħbarijiet li ippublika din l-istorja, diġà biddel il-verżjoni tiegħu, iżda l-istess ġurnalist ammetta li l-ħsara fil-konfront tal-whistleblower laqħet saret.
Kien Orphanides li irrapporta li l-pulizija Ċiprijotta kienu qed ifittxu lil Efimova wara li sid ta’ azjenda issa għamel rapport li erba’ snin ilu Efimova kienet serqitu. Efimova qalet li dan is-sid għandu rabtiet mal-Ażerbajġan u li kien ċar li xi ħadd f’Malta kien wara dan ir-rapport li l-whistel blower Russa iddeskrivietu bħala qarrieq.
Ftit jiem ilu, il-Ministru Michael Farrugia għamel żjara f’Ċipru. Wara mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt, il-Ministru Farrugia ċaħad b’mod kategoriku li seta’ jkun hemm xi rabta bejn din iż-żjara u r-rapporti li ħarġu fil-mezzi tax-xandir Ċiprijotti.