“Efimova qaltli li jekk tiġi Malta ħajjitha se tkun fil-periklu” – avukat Grieg

L-avukat Grieg li qed jirrappreżenta lill-whistleblower Russa, Maria Efimova, qal li minkejja li l-mara qed tibża’ li ħajjitha tista’ tkun fil-periklu jekk ikollha tintbagħat lura Malta, wisq probabli Efimova mhux se titlob għall-ażil. 
Efimova kienet sors importanti għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia meta tat xi informazzjoni dwar atti illegali fil-Bank Pilatus.
Għal dawn l-aħħar jiem, Efimova kienet qed tinżamm fil-ħabs Korydallos wara li tat ruħha b’idejha lill-awtoritajiet Griegi. L-avukat tagħha, Alexandros Papasteriopoulos, qal ma’ Reuters li dan għamlitu wara li rċeviet messaġġ li qalilha li hemm bżonn tipproteġi lilha nnifisha, madanakollu ma qalx min kienet il-persuna li bagħtet il-messaġġ.
Fit-12 t’April il-Qorti Griega se tkun qed tisma’ t-talba minn Malta għall-estradizzjoni ta’ Efimova bbiżata fuq mandat ta’ arrest doppju kontriha dwar allegati frodi ta’ €5,000 u defamazzjoni ta’ uffiċjali tal-Bank Pilatus. 
36 Membru Parlamentari Ewropew iffirmaw ittra b’talba lill-awtoritajiet Griegi biex jassiguraw il-protezzjoni ta’ Efimova, filwaqt li n-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili, flimkien mal-Occupy Justice, Il-Kenniesa u L-Awturi talbu lill-Prim Ministru tal-Greċja, Alexis Tsiparas, sabiex jagħtiha l-ażil.
Ritratt: Reuters