​Efimova lesta tikkontesta t-talba ta’ estradizzjoni lejn Malta

L-MEP xellugi Grieg Stelios Kouloglou qal li l-whistleblower Russa Maria Efimova se tiġġieled kontra l-eventwalità li tiġi estradita lejn Malta.
Bħalissa hija tinsab f’ħabs fil-Greċja fejn tat ruħha b’idejha minħabba l-mandat ta’ arrest internazzjonali li ħarġet Malta kontriha.
Meta żarha fil-ħabs, l-MP Grieg Kouloglou qal li Efimova qed tibża’ li jekk tiġi estradita lejn Malta, tista’ tgħaddi minn dak li għaddiet minnu l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
F’kumment waqt il-programm Newsline fuq RTK, l-MP Grieg qal li Efimova tinsab stmata tajjeb fil-ħabs tal-Greċja fejn tinsab qrib il-familja tagħha, u qalet li trid tibqa’ hemm minħabba s-sigurtà tagħha.
Spjega kif Efimova ma talbitx għall-ażil politiku u li t-talba għall-estradizzjoni tagħha mhux se tkun deċiża mill-Gvern Grieg, iżda mill-Qorti tal-pajjiż.
Kouloglou sostna li d-deċiżjoni finali trid tieħu in konsiderazzjoni l-assassinju ta’ Caruana Galizija kif ukoll l-iżviluppi tal-aħħar jiem li raw l-arrest taċ-Chairman tal-Bank Pilatus Ali Sadr fl-Istati Uniti.
Temm jgħid li dawn l-fatturi jistgħu jwasslu biex il-Qorti Griega ma taċċettax it-talba għall-estradizzjoni tagħha li tressqet mill-Gvern Malti.