Efimova, il-whistleblower Russa titkellem mat-Times ta’ Londra

Maria Efimova, il-whistleblower Russa fil-każ tal-kumpanija Egrant fil-Panama, qalet ma’ The Times ta’ Londra li jekk terġa’ tiġi Malta ma ddumx wisq ħajja.
Efimova, omm ta’ żewġt itfal, kienet dik li għaddiet l-informazzjoni lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia dwar kontijiet sigrieti f’isem mart il-Prim Ministru Michelle Muscat, li fihom ġew trasferiti €1 miljun mit-tmexxija tal-Ażerbajġan.
Xehdet ukoll quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja fl-inkjesta dwar il-każ Egrant.
Meta kienet impjegata tal-Bank Pilatus, Efimova qalet li rat dokumenti li fuqhom kien hemm imniżżel isem Michelle Muscat, bħala s-sid benefiċċjarju tat-tielet kumpanija fil-Panama, Egrant, li s-sid tagħha baqa’ mhux magħruf. Michelle Muscat u l-Prim Ministru dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.
Efimova, li għandha 35 sena, irrakkuntat ma’ The Times li ħarbet minn Malta għax qed tibża’ għal ħajjitha. Mill-istess rapport jidher ukoll li r-Russa rrifjutat tgħid fejn qed tgħix bħalissa.
Il-Qorti Maltija ħarġet mandat ta’ arrest kemm Ewropew kif ukoll internazzjonali fuq Efimova, hekk kif naqset li tidher quddiem il-Qorti f’każ kontriha, akkużata b’miżapproprijazzjoni ta’ flus mill-Bank Pilatus.
Efimova sostniet li kienet se tmur bl-informazzjoni għand l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil ta’ Flus (FIAU) imma sfat imkeċċija għaxart ijiem wara. 
The Times qalet li l-Bank Pilatus ma tahom l-ebda kumment, minkejja li ntalab ripetutament.