Efimova determinata li twassal “l-istorja ta’ Egrant fi tmiemha”

Read in English.

Maria Efimova bdiet ġabra online li biha se tkun qed tħallas kumpanija indipendenti sabiex tivverifika d-dokumenti li għandha f’idejha u twassal “l-istorja ta’ Egrant fi tmiemha”.

Sa issa, il-whistleblower ġabret €10,000, l-għan tagħha huwa li tiġbor is-somma ta’ €15,000. Spjegat li parti mill-flus li qed tiġbor se jmorru għall-applikazzjoni tagħha għall-istatus ta’ Whistleblower f’Malta. Qalet li jekk ikollha dan l-istatus hi se tkun tista’ tixhed fl-investigazzjoni dwar ħasil tal-flus mill-Bank Pilatus lura fl-2016.

Fuq il-paġna fejn qed issir il-ġabra, Efimova spjegat li hi għandha dokumenti f’idejha u se tkun qed tħallas investigatur forensiku indipendenti sabiex turi li d-dokumenti huma awtentiċi.

Spjegat li matul l-aħħar sentejn, il-familja tagħha kellha tħabbat wiċċha ma’ ħafna inkwiet hekk kif qed tissielet ma talbiet ta’ estradizzjoni minn Malta mill-korp tal-Pulizija. Spjegat li għal din ir-raġuni, m’għandhiex flus biżżejjed biex tħallas il-miżati legali.

Hi qalet li l-aħħar tibdiliet fil-gvern Malti u fil-Korp tal-Pulizija jistgħu jwasslu sabiex il-verità toħroġ u l-istorja ta’ Egrant tasal fi tmiemha.

Efimova kienet dik li żvelat il-kont Egrant u r-rabtiet tiegħu mal-Bank Pilatus. L-inkjesta Egrant appellat lill-pulizija biex jieħdu passi kontra Efimova, li għaddiet informazzjoni lil Daphne Caruana Galizia. Fil-konklużjoni tal-inkjesta, l-Imħallef Aaron Bugeja qal li filwaqt li Efimova tat xi stqarrijiet li jidhru li huma veri, ħafna oħrajn instabu li huma foloz. L-inkjesta ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija jibda proċeduri kriminali kontra Efimova.