Rapporti ta’ mandat ta’ arrest kontra Efimova f’Ċipru; Tallega komplott kontrieha

Ċipru ħareġ mandat t’arrest nazzjonali u Ewropew lil Maria Efimova, l-eksimpjegata tal-Bank Pilatus u whistleblower fil-każ tal-kumpanija Egrant.
Is-sit Cyprus Business Mail qed jirrapporta li jekk Efimova tmur Ċipru din tiġi arrestata, minħabba każ li, fi kliem is-sit, mad-daqqa t’għajn ma jidhirx li hu relatat ma’ dak li qed jiġri f’Malta.
Is-sit jiddeskrivi lil Efimova bħala persuna li taf titkellem sewwa bil-Grieg, u sal-2014 kienet għadha taħdem mal-kumpanija Ċiprijotta I.D.F. Fragrance Distribution Ltd, kumpanija li kienet ta’ sidien Russi.
Hija kienet diġà taf dakinhar li jekk se titlaq mill-pajjiż, meta tirritorna tkun arrestata, madankollu hemmhekk hemm familtha.
Efimova qalet lil dan is-sit li f’Novembru tas-sena l-oħra kien ġie rrappurtat mill-midja kollha f’Malta li kellha mandat t’arrest Ewropew fuq rasha, iżda kompliet tgħid li minn dakinhar sal-lum ivvjaġġat f’diversi pajjiżi Ewropej u mkien ma sabet lill-awtoritajiet jiġru warajha.
Madankollu rrimarkat li l-affarijiet inbidlu ftit meta fl-aħħar jiem persuni marru għand missierha fir-Russja u qalulu li qed ifittxu lil bintu f'Ċipru, u nħarġilha wkoll mandat t’arrest Ewropew.
Efimova qed tiġi mfittxijja mill-Pulizija Ċiprijotta wara li ġiet irreġistrata akkuża kontrieha li serqet mill-kumpanija Fragrance Distribution meta kienet direttur tagħha.
Ir-rapport mal-Pulizija sar minn ħaddiema fil-kumpanija legali Costas Tsirides & Co L.L.C.
F’intervista telefonika din il-persuna li għamlet ir-rapport qalet li għamlitu 4 snin ilu.
Sors mill-Pulizija Ċiprijotta qal lil dan is-sit li Efimova riċentement tqegħdet fuq il-lista ta’ nies li jitwaqqfu mill-awtoritajiet jekk jirfsu fil-pajjiż, wara li nħarġilha mandat t’arrest nazzjonali, imbagħad ieħor Ewropew.
Sadanittant, Efimova qalet li temmen li dan kollu huwa kumplott li sar f’Malta biex tkun estradita lura hawnhekk.
Fl-aħħar jiem sar magħruf li Efimova mhijiex is-sors oriġinali li kellha l-informazzjoni tal-kumpanija Egrant, imbagħad f’intervista oħra qalet li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia diġà kellha f’idha kopji tad-dokumenti li allegatament juru li l-kumpanija Egrant fil-Panama hija ta’ mart il-Prim Ministru Michelle Muscat.
Din l-akkuża kemm il-PM kif ukoll martu dejjem ċaħdu kategorikament.