Efimova aktarx se tingħata l-ażil mill-Greċja – il-midja Griega

Aktarx il-whistleblower Russa Maria Efimova se tingħata l-protezzjoni tal-ażil mill-Greċja, wara li t-Tnejn li għadda marret minn jeddha għand il-Pulizija.
Dan qed jirrappurtah is-sit Ċiprijott, Cyprus Business Mail, li f’Jannar li għadda kien irrapporta wkoll li Ċipru ħareġ mandat t’arrest nazzjonali u Ewropew lill-eksimpjegata tal-Bank Pilatus.
Illum il-ġurnal ikkwota Ewroparlamentari jgħid li s-sitwazzjoni tinsab fuq il-mejda ta’ Alexis Tsipras, il-Prim Ministru Grieg.
Proprju jumejn ilu l-membri tal-kumitat tal-Parlament Ewropew li kienu żaru Malta b’rabta mal-liġi tad-dritt fil-pajjiż, talbu lill-awtoritajiet Griegi biex ma jibagħtux lura Malta lill-whistleblower Maria Efimova minħabba s-sigurtà tagħha.
L-MEPs qalu li Maria Efimova hija xhieda ewlenija fl-investigazzjonijiet li qed isiru dwar akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus f’Malta u għalhekk trid tingħata l-protezzjoni meħtieġa. Dan l-appell sar fl-isfond ta’ rapporti li jgħidu li Efimova marret għand il-Pulizija Griega f’Ateni biex titlob protezzjoni.
Huma appellaw sabiex ir-Russa u familtha jingħataw il-protezzjoni meħtieġa wara li allegatament marret għand il-Pulizija meta kienet qed tibża’ mis-sigurtà tagħha.
Illum ukoll 36 MEP ieħor talbu lill-awtoritajiet Griegi biex jipproteġu lil Efimova.
Il-Pulizija Ċiprijotta qalet li jekk Efimova tingħata l-ażil fil-Greċja, il-proċeduri kontrieha dwar allegat tbagħbis ta’ fondi minn kumpanija Russa, li għalih inħareġ il-mandat t’arrest imsemmi, ikollhom jieqfu.
Sadanittant, hemm anki dubju dwar jekk hux vera li nħareġ dan il-mandat t’arrest, anki minħabba li ma jistax jinsab rekord tiegħu onlajn. Fil-fatt anki l-avukat ta’ Efimova kkuntradixxa lill-Pulizija Ċiprijotta, meta qal li l-uniku mandat t’arrest fuq ras il-klijenta tiegħu hu dak ta’ Malta.