Robert Arrigo u Edwin Vassallo jippreżentaw in-nomini għal Viċi Kap tal-PN

Id-deputati Nazzjonalisti Robert Arrigo u Edwin Vassallo llum ippreżentaw in-nomina tagħhom għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit u għall-Ħidma fil-Parlament rispettivament. 
Dawn huma l-ewwel żewġ nomini li daħlu għal dawn il-karigi, biex jimtlew il-karigi ta' Beppe Fenech Adami u Mario de Marco.
Il-Partit Nazzjonalista beda jilqa’ n-nominazzjonijiet nhar it-Tnejn li għadda, biex jimla ż-żewġ karigi ta’ Viċi Kap tal-PN.
Għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament hemm interessat ukoll id-deputat u Whip Nazzjonalista David Agius. Għal dik għall-Affarijiet tal-Partit hemm Clyde Puli.
Ħafna huma tal-fehma li David Agius u Clyde Puli huma l-favoriti ta’ Adrian Delia.
Newsbook.com.mt kien irrapporta li fil-PN hemm rabja għax il-Kap ħa miegħu lil David Agius u lil Clyde Puli għal-laqgħa li kellu mal-Prim Ministru ftit wara li sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt kienu qalu wkoll li Dr Delia kien tkellem mad-Deputat Robert Arrigo, biex minflok jikkontesta għall-Viċi Kap, jaċċetta li jieħu r-responsabbilità tal-finanzi tal-partit. Iżda Arrigo rrifjuta.
Mn-naħa tiegħu, id-Deputat Edwin Vassallo kien qal li lest iċedi l-kandidatura tiegħu jekk l-ekskandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said, jitħajjar jikkontesta għall-istess kariga u jekk David Agius jirtira wkoll, biex Said ikun elett awtomatikament.
Hekk kien ġara erba’ snin ilu meta kien ġie elett Mario de Marco, li wkoll kien ikkontesta għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista meta ġie elett Simon Busuttil.
L-elezzjoni għall-ħatra tal-Viċi Kapijiet se ssir fit-18 ta’ Novembru.