In-negozji qed iħossu tnaqqis fis-saħħa tal-flus – Edwin Vassallo

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għan-Negozji ż-Żgħar Edwin Vassallo qal li qed jidher li s-saħħa tal-flus qed tonqos u li b’mod speċjali dan qed iħossuh in-nies li għandhom negozju. Skont Vassallo, fil-qasam tal-kostruzzjoni, bosta self employed u sidien ta’ negozji żgħar qed jilmentaw li meta jagħmlu l-kontijiet, il-qliegħ li jibqgħalhom ma jikkumparax tajjeb max-xogħol li jkun sar.

Vassallo qal li hemm ukoll self employed u sidien ta’ negozji li huma bennejja. Dawn qed jilmentaw minħabba nuqqas ta’ xogħol li sofrew tul dawn l-aħħar ġimgħat. Oħrajn, skont Vassallo, qed jilmentaw minħabba żieda fl-ispejjeż, b’mod speċjali fil-prezz tal-petrol u d-diesel.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal ukoll li l-propjetà għaddejja minn żmien fejn qed jinħass nuqqas ta’ xiri u din qed toħloq problema għal min għandu bżonn li jbiegħ biex iserraħ moħħu li għandu biżżejjed flus biex jagħmel tajjeb għall-pagamenti oħra dovuti. Vassallo qal li minn dan kollu l-Gvern ma jimpurtahx u lanqas ma jimpurtah li jifhem il-prezz tal-konsegwenzi tad-deċiżjonijet tiegħu kif jolqtu lil min qed iħallas il-prezz tagħhom.