Edwin Lopez hu dak li miet bil-mutur f’Raħal Ġdid ilbieraħ

Edwin Lopez kien identifikat bħala r-raġel li miet ilbieraħ f’Raħal Ġdid wara inċident bil-mutur.

Fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Tallinja kien spjegat li Lopez kien jaħdem bħala xufier tax-xarabankijiet tagħha sa Lulju tal-2019.

Kienu diversi l-persuni li kkummentaw fuq l-istess post u anke tkellmu fuq Facebook, li qalu li hu kien bniedem vera tajjeb, kien jirrispetta lil ta’ madwaru u verament edukat.

We are very sad to hear about the tragic death of Mr Edwin Lopez, a former employee, who was one of our bus drivers…

Posted by Tallinja on Wednesday, July 15, 2020

L-inċident traġiku tal-bieraħ f’Raħal Ġdid seħħ bejn mutur u karozza. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li ġiet infurmata bl-inċident għall-4.15pm fi Triq l-Irvellijiet 1958.

Lopez kellu 48 sena u kien residenti San Pawl il-Baħar. Hu kien qed isuq mutur. Il-karozza kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 37 sena residenti Raħal Ġdid.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna. Ambulanza ħa lis-sewwieq tal-mutur l-isptar Mater Dei, però r-raġel ġie ċċertifikat mejjet ftit wara.