Edward Scicluna uffiċjalment maħtur Gvernatur tal-Bank Ċentrali

Edward Scicluna

Read in English.

Il-President George Vella, fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru, ħatar lill-Professur Edward Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għal perjodu ta’ ħames snin b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Il-Professur Scicluna serva bħala Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji bejn l-2013 u Novembru 2020. Fl-2009, kien ġie elett fil-Parlament Ewropew fejn serva għal erba’ snin bħala Viċi Kap tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u bħala r-rappreżentant tal-Parlament Ewropew fuq il-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika. Fost diversi rwoli, kien il-Kap tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, Kap tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u Direttur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Hu se jieħu post Dr Mario Vella, li serva bħala Gvernatur mill-1 ta’ Lulju 2016, u li nħatar mill-Gvern bħala l-Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Negozju mar-Renju Unit, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Fl-aħħar diskors tiegħu fil-Parlament fil-15 ta’ Diċembru, Scicluna appella biex fil-Parlament jkun hemm taħlita iktar wiesgħa ta’ professjonijiet u mhux biss avukati u tobba. L-eks Ministru qal li hemm bżonn li nies professjonali ma jiġux imnaffra mill-politika biex il-Parlament ma jiġix imfaqqar minn ċerti kompetenzi.

Scicluna qal li r-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat għandha titjieb u jogħlew l-istandards tal-politika biex professjonisti mħajrin għall-politika ma jaħsbux li se jkunu qed jitilfu l-ħin jekk jidħlu għall-politika.

L-aħħar diskors ta’ Scicluna fil-Parlament
“Il-Parlament mhux post tal-avukati u t-tobba biss” – Scicluna