Edward Scicluna jgħid li t-tkabbir fl-ekonomija jawgura tajjeb għall-futur

Ċifri ppubblikati mill-NSO juru li fit-tielet kwart ta’ din is-sena l-ekonomija Maltija rreġistrat tkabbir ta’ 5.4%. Din hija l-għola rata fiż-żona Ewro għax taqbeż il-medja ta’ 1.6%.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-għola żieda kienet reġistrata fis-setturi professjonali, xjentifiċi u tekniċi kif ukoll fis-setturi finanzjarji u tal-assigurazzjoni.
L-esportazzjoni żdiedet bi 2.5% filwaqt li n-nefqa tal-Gvern naqset b’5.4% meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Waqt li kien qed jikkumenta dwar dawn iċ-ċifri, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li t-tkabbir fl-ekonomija jawgura tajjeb għall-futur sostenibbli li se jkompli jpoġġi lil Malta f’pożizzjoni aktar b’saħħitha.
B'reazzjoni għal dawn iċ-ċifri, ix-Shadow Minister għall-Finanzi Mario De Marco qal li l-Gvern għandu jraħħas il-prezzijiet tal-fjuwil biex il-ħaddiema jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja.