Aġġornata: Scicluna b’dikjarazzjoni irresponsabbli dwar is-settur finanzjarju – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna għamel dikjarazzjoni irresponsabbli dwar is-settur finanzjarju meta kien qed jiġi intervistat minn The Telegraph.

Delia qal dan waqt attività politika għar-residenti tat-tmien distrett elettorali. L-attività kienet parti mill-attivitajiet organizzati mill-PN bħala parti mill-festi tal-Indipendenza.

Delia rrefera għall-każ li seħħ ftit tal-jiem ilu, fejn il-Ministru għall-Finanzi ġie intervistat minn ġurnal Ingliż. Qal li The Telegraph staqsa lill-Ministru dwar il-problemi li għandha l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u problemi oħra relatati ma’ ħasil tal-flus fil-pajjiż. Delia semma kif ir-risposta tal-Ministru kienet li kull pajjiż għandu dawn il-problemi u li se jkun qed jindirizzahom b’serjetà kbira.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma li jekk il-Ministru Scicluna ma jinteressahx mis-settur finanzjarju, l-eluf ta’ żgħażagħ u professjonisti li jaħdmu fis-settur jinteressahom mir-reputazzjoni tal-pajjiż. Qal li x-xogħol tal-ħaddiema Maltin f’dan il-qasam ilaħħaq l-eluf u minnu jaqilgħu l-għixien tagħhom eluf ta’ familji oħrajn li jgawdu l-effett tajjeb li jiġġenera l-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Insista li b’dikjarazzjoni bħal dik ta’ Scicluna fi żmien meta l-pajjiż għandu sensiela ta’ skandli politiċi, il-qasam tas-servizzi finanzjarji jispiċċa sabiex jieħu daqqa ta’ ħarta. Qal li sfortunatament il-Gvern mhux qed juri l-ebda interess li jħares ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

L-Oppożizzjoni qed tipprova tħott is-servizzi finanzjarji – Gvern

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal Delia, is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji qal li Delia nesa jsemmi li hija biss l-Oppożizzjoni li qed tipprova tħott dan il-qasam “permezz tal-ħsara koordinata kemm fuq bażi lokali kif ukoll fuq bażi internazzjonali.” Is-Segretarjat qal li fl-aħħar sentejn kien hemm żieda ta’ 1,458 impjieg ġdid fis-settur.