Edukaturi tal-Malti u l-Ingliż imħassba dwar il-proposti tal-Ministeru

Għadd ta’ edukaturi tal-Malti u l-Ingliż, fosthom l-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti u d-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta’ Malta, jemmnu li t-tibdiliet proposti mill-Ministeru fl-aħħar jiem dwar it-tagħlim tal-Malti se jagħmlu ħsara lill-ambjent bilingwi.
Fi stqarrija konġunta qalu li ma jaqblux li ċ-ċittadini Maltin jagħmlu l-eżami tal-Matsec tal-ilsien nazzjonali tagħhom bħala lsien barrani jew bħala t-tieni lingwa. Lanqas ma qablu mal-proposta li dawk li jkollhom ġenitur jew kustodju barrani jiġu eżaminati fil-Malti bħala lsien barrani jew bħala t-tieni lingwa.
Il-Ministeru qed jipproponi li mal-eżami attwali tal-Malti fil-Livell Ordinarju (MQF 3), jiddaħħlu tnejn oħra. Wieħed tal-Malti bħala Lsien Barrani, li jkun offrut għal studenti barranin biss, u ieħor tal-Malti Applikat.
Dawn l-akkademiċi jemmnu li għandu jibqa’ jkun hemm eżami wieħed tal-Malti f’dan il-livell għaċ-ċittadini kollha Maltin.
Il-firmatarji ma jaqblux li jkun hemm distinzjoni b’livelli differenti tal-Malti, għax jargumentaw li dawn id-distinzjonijiet imorru kontra dak li tgħid il-Kostituzzjoni ta’ Malta, li fiha hemm stabbilit li l-Malti hu l-uniku lsien nazzjonali ta’ Malta, u li, mal-Ingliż, hu l-ilsien uffiċjali ta' pajjiżna.
Jaċċennaw għall-possibiltà li jinħolqu differenzi u inugwaljanzi bejn l-istudenti jekk ikun hemm dil-possibiltà li jagħtu eżamijiet differenti tal-Malti.
Finalment, meta wieħed jikkunsidra l-ammont ta’ nies li jitkellmu l-Malti, l-akkademiċi jsostnu li l-awtoritajiet iridu joħolqu l-opportunitajiet kollha għall-iżvilupp tal-ilsien nazzjonali, u mhux billi taqsmu f’eżamijiet differenti.
“Il-Ministeru jrid li t-tfal kollha jitgħallmu l-Malti”
Sadanittant, il-Ministeru għall-Edukazzjoni wieġeb għal din l-ittra, u qal li jrid li t-tfal kollha jitgħallmu l-Malti.
Għamilha ċara li r-rotta tal-Malti, bħala lsien barrani, se tkun miftuħa biss għall-barranin u mhux għall-Maltin.
L-ittra tal-akkademiċi kienet iffirmata minn dawn: 

L-Akkademja tal-Malti
Id-Dipartiment tal-Malti, L-Università ta’ Malta
Id-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College (UM)
L-Għaqda tal-Malti – Università
Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti
Għaqda Poeti Maltin
L-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, l-Università ta’ Malta
Dr Mario Aquilina (Id-Dipartiment tal-Ingliż, l-Università ta’ Malta)
Prof. Ivan Callus (Id-Dipartiment tal-Ingliż, l-Università ta’ Malta)
Dr James Corby (Id-Dipartiment tal-Ingliż, l-Università ta’ Malta)
Dr Sarah Grech (Centre for English Language Proficiency)
Dr Chris Gruppetta (Pubblikatur)

Dr Ġorġ Mallia (id-Dipartiment tal-Midja u l-Kommunikazzjoni, l-Università ta’ Malta)
Ms Ann Marie Schembri (Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Iskejjel tal-Knisja)
Ms Claire Zerafa (Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Iskejjel tal-Knisja)