Edukaturi bil-coronavirus f’Ħal Qormi u fi Blata l-Bajda

Aġġornat 01:22 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Ħaddiem fi Klabb 3-16 fl-iskola primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi rriżulta fil-pożittiv għall-coronavirus, filwaqt li l-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE) ħabbret li hemm edukatur ieħor fl-iskola sekondarja fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca Blata l-Bajda li qabdu l-coronavirus.

Sorsi kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li l-ħaddiem fl-iskola f’Ħal Qormi ġie pożittiv għall-virus. Bħalissa għaddej il-contact tracing billi huwa kien f’kuntatt ma’ xi kollegi u studenti. Hemm xi studenti u playworkers oħra li qegħdin kwarantina.

Wara l-ħinijiet tal-iskola, xi studenti jattendu Klabb 3-16 fl-iskejjel rispettivi tagħhom.

Fil-każ ta’ Blata l-Bajda, il-UPE kienet ħabbret xi jiem ilu li hemm edukatur bil-virus fl-iskola sekondarja. Hija awgurat fejqan ta’ malajr liż-żewġ edukaturi.

Apparti hekk, aktar tard tul il-jum, il-UPE ħabbret li hemm tmien edukaturi li qegħdin kwarantina mill-iskola sekondarja ta’ Santa Tereża f’Birkirkara.

Intant, l-MUT iltaqgħet mal-Gvern biex tappellalu jsib mod kif jaġġorna lill-edukaturi, lill-istudenti u l-ġenituri konċernati bil-każijiet tal-coronavirus li jkun hemm fl-iskejjel. Hija wissiet kontra l-ispekulazzjoni li qed issir fuq il-mezzi soċjali dwar każijiet fl-iskejjel.

Issa li l-iskejjel reġgħu fetħu, diversi edukaturi u ġenituri huma mħassbin fuq l-imxija tal-coronavirus.

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE) irrappurtat xi każijiet ta’ coronavirus fl-iskejjel fil-jiem li għaddew: f’Ħad Dingli, f’Birkirkara, f’Ħal Tarxien, fin-Naxxar, f’Pembroke u f’Ħal Qormi.