Edukatur fi SkolaSajf f’Raħal Ġdid joħroġ pożittiv

Read in English.

Edukatur fi SkolaSajf f’Raħal Ġdid ħareġ pożittiv għall-coronavirus. Dan kien żvelat mill-Union għall-Edukaturi Professjonali (UPE) llum waranofsinhar.

It-Tlieta, 48 każ ġdid ta’ coronavirus kienu rrappurtati mill-awtoritajiet tas-saħħa. Fuq Facebook, il-UPE spjegat li ġiet mgħarrfa bil-każ. L-edukatur u l-istudenti tiegħu tpoġġew kollha fi kwarantina.

L-union spjegat li l-bqija tal-istaff u l-istudenti m’hemmx bżonn li jagħmlu kwarantina jew joqogħdu f’iżolament għax l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li m’hemmx riskju reali li dawn setgħu kienu infettati. L-union żiedet tgħid li dan kien ikkonfermat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES).

“Dan huwa x-xenarju li l-gvern qed jippretendi li joperaw bih l-iskejjel minn Settembru. Edukatur u grupp ta’ studenti issa jinsabu kwarantina, u magħhom, kull persuna li tgħix taħt l-istess saqaf,” qalet il-UPE.

L-union innotat li l-iskola għandha membru tal-istaff inqas u familtu mhux se tkun tista’ tmur għax-xogħol jew toħroġ mid-dar. Żiedu jgħidu li t-tfal ukoll jinsabu fi kwarantina flimkien mal-ġenituri tagħhom, ħuthom u kwalunkwe membru ieħor tal-familja li jista’ jkun jgħix taħt l-istess saqaf.

“Għal kull wild, minn tal-inqas żewġ adulti qed jintalbu ma jmorrux għax-xogħol u għexieren oħrajn qed jinżammu ‘l bogħod mill-iskola,” qalet l-union. L-union staqsiet x’se jiġri ladarba l-iskejjel jiftħu mill-ġdid u kif se jkunu mistennija joperaw f’kundizzjonijiet tat-tip.