Edizzjoni oħra tal-Kompetizzjoni tas-Sajd b’risq Puttinu

Għat-tielet sena konsekuttiva, matul il-jum tal-Ħadd, se tkun qed tiġi organizzata kompetizzjoni ta’ sajd, bl-għan li jinġabru fondi għal persuni morda bil-kanċer.

Il-Kumitat ta’ Għawdex fi ħdan il-fondazzjoni ‘Puttinu Cares’, ilu għal dawn l-aħħar tliet snin jorganizza b’suċċess din il-kompetizzjoni. Din is-sena l-attività se tkun qed tittella’ fix-Xatt ta’ Kordin mis-7am ‘il quddiem. Fi tmiem il-kompetizzjoni bħal kull sena, jkun hemm preżentazzjoni ta’ premijiet lir-rebbieħa.

Bħalissa l-fondazzjoni ‘Puttinu Cares’ qed tiġbor fondi sabiex tħallas appartamenti ġodda f’Sutton fl-Ingilterra. Dawn l-appartamenti li waslu biex jitkomplew għal kollox, jakkomodaw 12-il familja u swew mat-tliet miljun ewro u nofs. Permezz tal-maratona tas-sena l-oħra, ‘Puttinu Cares’ kienet ġabret mal-miljun ewro għal din il-kawża ġusta.