Edizzjoni ġdida tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

Il-Kurja tal-Arċisqof ippublikat mill-ġdid il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika wara li ma kienx fadal kopji tal-Katekiżmu u d-domanda baqgħet  persistenti.
Saret ukoll reviżjoni tat-test biex din il-publikazzjoni tinkludi l-ortografija l-ġdida tal-lingwa Maltija u l-kwotazzjonijiet mill-aħħar edizzjoni tal-Bibbja bil-Malti.
Waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb, l-Arċisqof Pawlu Cremona qal li l-Papa Franġisku qiegħed jinsisti kontinwament fuq l-importanza tal-katekeżi għaliex din hija essenzjali għall-formazzjoni Nisranija. L-Arċisqof saħaq li l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika huwa għodda mill-aktar importanti li kull Nisrani għandu jkollu fid-dar biex il-familji Maltin jkunu mħarrġin tajjeb fit-tagħlim Nisrani.
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika kien approvat fil-25 ta’ Ġunju 1992 mill-Papa San Ġwanni  Pawlu II.
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jista’ jigi ordnat mill-Kurja tal-Arċisqof u qed jiġi offrut bi prezz imnaqqas sal-aħħar ta’ Awwissu 2014.
L-edizzjoni l-ġdida  ġiet ippreżentata lill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. minn Monsinjur Anton Portelli, Segretarju Amministrattiv tal-Kurja. 

Ritratt: Photocity, Valletta