Editur Tork mhedded b’ħabs għal għomru għax żvela ġarr ta’ armi lejn is-Sirja

Erbat ijiem qabel elezzjonijiet kruċjali fit-Turkija, editur ta’ ġurnal Tork qed jiffaċċja talba mill-Prim Ministru, għal għomor il-ħabs.
Dan wara li l-istess ġurnal żvela ritratt li juri armi li kienu qed jiġu ttrasportati lejn is-Sirja, allegatament lill-militanti Iżlamiċi, u li kienu qed jiġu skortati minn membri tas-servizzi sigrieti Torok.
Malli l-ġurnal, li hu tal-Oppożizzjoni, żvela l-aħbar nhar il-Ġimgħa, il-President Tork Recep Tayyip Erdogan akkuża lill-editur tiegħu bi spjunaġġ u li żvela sigriet tal-istat u heddu li se jħallas prezz għoli.
Diversi ġurnali oħra u personalitajiet Torok iddefendew lill-editur Can Dundar qalb tensjoni dejjem tikber bejn il-President Tork u l-midja lokali u internazzjonali.
Issemmew possibiltajiet li se jiżdiedu l-arresti ta’ ġurnalisti tal-Oppożizzjoni qabel l-elezzjoni hekk kif sorsi qed jgħidu li Erdogan hu mħasseb li jiffaċċja l-Qorti Internazzjonali minħabba reati ta’ gwerra.
Ħafna qed iqisu li l-President Tork qed jgħin lill-militanti Iżlamiċi fis-Sirja biex dawn jegħlbu lil Bashar al-Assad ħalli hu jeħodlu postu u jgħaqqad territorju Iżlamiku.