Editorjali: X’qed jgħidu dwarek?

Bħal-lum ġimgħa l-irjus ikunu saħnu ferm iktar, filwaqt li qabża f’xi bar jew pjazza madwar Malta u Għawdex malajr tlaqqgħek ma’ min jgħidlek li s-sema qatt ma kien aktar blu mil-lum, u ma’ min jaħlef li demmu aħmar jiġri sħun ġo fih. Iżda ejja naraw x’għandna f’idejna: l-editorjali tal-gazzetti tal-lum kollha jippuntaw għas-Sibt li ġej bik il-votant fiċ-ċentru.
Iż-żewġ gazzetti tal-partiti ewlenin, il-Kullħadd u Il-Mument, it-tnejn joffru l-għażla partikulari tagħhom lil min tagħti l-unu nhar is-Sibt. Il-Kullħadd jargumenta li elezzjoni tfisser il-ġejjieni tal-pajjiż, u jipproponi dawn il-mistoqsijiet lill-votant qabel jidħol fil-kmajra tal-vot, “Hemm raġuni għala rrid nibdel il-Gvern?”, “Jien u familti qed ngħixu aħjar?”, “Hemm raġuni li rrid nibdel Gvern li żamm kelmtu miegħi?” u “Irrid inreġġa’ l-arloġġ lura?” Ċertament, għal kull (għadma) mistoqsija hemm mitt kelb. Il-Mument ma jimponix mistoqsijiet, anzi “l-għażla hi ċara.” L-editorjal isemmi lil dawk li kienu mal-PN u se jivvutaw lill-PL, u bil-maqlub. Fi kliem il-gazzetta, tal-ewwel li ħallew id-Dar Ċentrali u rikbu fuq il-karru Laburista huma nies li rmew il-valuri u fittxew sors minn fejn jakkwistaw. Tgħid ukoll li dawk li tfew it-torċa minn qalbhom u ngħaqdu mal-Forza Nazzjonali għażlu l-interess ta’ Malta u warrbu l-gwadann personali. Dawn il-persuni nhar is-Sibt se jivvutaw waqt li jaffermaw “le għall-kriminalità, għall-gideb, għall-korruzzjoni” u “iva għall-onestà, għall-ġid komuni għall-verità u għal Malta.
It-Torċa sserraħ il-ġudizzju tagħha fuq il-kredibbiltà. Tpoġġi lil Joseph Muscat ħdejn Simon Busuttil u tistaqsi min għandu l-aktar esperjenza biex ikun fit-tmun. Filwaqt li Muscat, jargumenta l-editorjal, mexxa lil Malta għal erba’ snin, jintefa’ dubju fuq il-kwalitajiet ta’ Busuttil. Fosthom jissemmew għandux il-kwalitajiet tal-ġudizzju f’ħinu u f’waqtu, il-prinċipji li jħaddan, il-viżjoni, id-deċiżjonijiet li ħa u jekk huwiex kapaċi jasal għal kunsens. Il-gazzetta targumenta li fuq dawn u aktar Joseph Muscat jirbaħ lil Simon Busuttil.
Joseph Muscat u Simon Busuttil mitfugħa taħt lenti aktar aggressiva mill-editorjal tal-Illum. Filwaqt li Dr Muscat hu deskritt bħala xi ħadd li jwettaq bla dewmien, bniedem li jwettaq anki fejn qatt ma twettaq xejn u xi ħadd li daħħal lill-ekonomija f’għana liema bħalha, il-ġurnal jargumenta li dan għamlu billi resaq lejn l-investituri u min għandu l-but mimli. L-Illum tgħid ukoll li Joseph Muscat waqa’ fl-iżball li tħabbeb iżżejjed ma’ dawn in-nies u tbiegħed mill-prinċipji soċjalisti tiegħu, kif ukoll li ħalla wkoll persuni fil-partit iwaqqgħulu wiċċu l-art. L-Illum tgħid ukoll li mbagħad Simon Busuttil, irnexxielu jinjetta lura fil-PN ħajja u entużjażmu. Skont din il-fehma, l-unika difett li għandu Busuttil hu li mhuwiex meqjus bħala alternattiva vijabbli għall-Gvern Laburista. Jargumenta li jekk Busuttil poġġa lilu nnifsu bħala mexxej b’saħħtu tal-Oppożizzjoni ma jfissirx li ppożizzjona lilu nnifsu bħala Prim Ministru ta’ kwalità.
The Sunday Times of Malta hija skjetta: hemm bżonn bidla. L-editorjal jelenka għadd ta’ fatturi li l-votant irid iqis mitt darba qabel jaqtagħha. Fosthom l-allegazzjonijiet li persuna tant qrib ta’ Muscat, Keith Schembri, moħħu biss biex jaħsel il-flus. It-tieni: Muscat baqa’ dejjem jipproteġih. It-tielet: il-Pulizija ma investigatx ir-rapporti tal-FIAU dwar dawn l-iskandli. It-Times tinsisti li dan kollu qed jitfa’ f’riskju l-qasam tas-servizzi finanzjarji. Finalment, dawn il-persuni mhux kapaċi jsewwu fejn kissru fil-Gvern.
Ikompli fuq l-istess binarju l-editorjal ta’ The Malta Independent on Sunday bit-titlu The national interest is at stake, vote to protect it. Iwissi lill-votant li f’din l-elezzjoni m’hemmx post għat-tribaliżmu politiku tas-soltu. Jiddeskrivi lil Malta bħala nazzjon kbir, u għalhekk it-toqol jaqa’ kollu fuq spallet il-votant biex ma jħallix dan l-isem jinbidel f’nazzjon korrott.
Finalment, il-Maltatoday issemmi s-sondaġġi li tagħmel, li ħafna jfittxu għax dejjem ikunu qrib, u tgħid li sa issa l-PL igawdi vantaġġ, iżda r-riżultat jaf ikun wieħed miġġieled sal-aħħar. Jargumenta li Muscat jista’ jitlef l-elezzjoni, minkejja li l-faxxa tal-poplu li tradizzjonalment tivvota Labour issaħħet f’fehmitha mhux ftit. Min-naħa l-oħra, l-editorjal jgħid li l-kampanja tal-PN kienet waħda b’saħħitha, minkejja li aktarx ma kinux preparati għal elezzjoni bikrija. L-editorjal jagħlaq billi jitlob li jkun hawn serenità u rispett lejn il-votant.
Keith Schembri jirribatti għal dak li kitbet The Sunday Times of Malta
Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ħareġ stqarrija bħala reazzjoni għal dak li rrappurtat dwaru The Sunday Times of Malta, li fi kliemu qed tħeġġeġ lill-qarrejja tagħha biex jivvutaw għal Simon Busuttil.
Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, Keith Schembri qal li t-Times tgħid tliet affarijiet bħala ‘fatti’. Madanakollu saħaq li l-ebda waħda mhi fattwali.
Dwar l-ewwel ‘fatt’, li hemm evidenza serja li Keith Schembri ħasel il-flus, Schembri nnifsu qal li din l-evidenza ma teżistix.
Għat-tieni ‘fatt’ li Joseph Muscat injora ‘l-evidenza’, Schembri stqarr li l-Prim Ministru waqqaf inkjesta maġisterjali biex jaċċerta hemmx sustanza.
Dwar it-tielet ‘fatt’ li l-Pulizija naqset milli tinvestiga, u li hu huwa ogħla mil-liġi, Keith Schembri sostna li l-inkjesta indipendenti qed issir b’mod normali, kif taħdem il-liġi.