Editorjali: Mhux kollha jaqblu li l-PM għandu biex jinkwieta

Hekk kif għaddiet kważi ġimgħa minn meta l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar elezzjoni ġenerali bikrija, il-gazzetti tal-Ħadd komplew jgħidu tagħhom u analizzaw din id-deċiżjoni.
L-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta jeħodha qatigħ konta d-deċiżjoni tal-Prim Ministru. L-editorjal, bit-titlu “Abbuż tad-Demokrazija,” jgħid li r-raġuni ta’ Joseph Muscat għalfejn sejjaħ Elezzjoni Ġenerali ma tagħmilx sens. Jgħid li r-raġuni ta’ din l-elezzjoni huwa l-Prim Ministru nnifsu “li huwa l-kawża tal-instabbilità, li se tkompli tikber jekk jibqa’ fit-tmexxija.” Jisħaq li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru mhux tenibbli speċjlament issa li l-Maġistrat Aaron Bugeja qal li ordna investigazzjoni kriminali kontra Keith Schembri.
Fuq l-istess linja, l-editorjal ta’ The Malta Independent on Sunday jgħid li l-Prim Ministru għandu għalfejn jinkwieta meta sodaġġ li wettqet l-istess gazzetta juri li l-maġġoranza ta’ dawk intervistati jemmnu li hu u martu huma nvoluti fl-iskandlu tal-Panama. Jisħaq li l-Prim Ministru għandu ħafna aktar x’jagħmel milli jwiegħed u jroxx il-ġid biex inaddaf ir-reputazzjoni tal-Gvern.
Min-naħa tagħha Malta Today tgħid li l-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju se ssir taħt ċirkostanzi surreali u li xejn mhu se jissolva wara li joħroġ ir-riżultat tal-elezzjoni. L-editorjal jgħid li l-allegazzjonijiet kollha nvolut fihom Keith Schembri tefgħu dell ikrah fuq il-Gvern minkejja l-ekonomija b’saħħitha u l-pjanijiet ta’ Muscat li jnaqqas it-taxxa.
Il-gazzetta oħt tqabbel din l-elezzjoni ma’ dik imsejħa minn Eddie Fenech Adami fl-2003 u dik imsejħa minn Lawrence Gonzi fl-2013 meta l-għażla kienet ċara. Skont l-editorjal tal-Illum, l-elezzjoni ta’ din is-sena tinsab f’idejn “id-diżillużi,” “dawk li xi ftit jew wisq iddeċidew li jieqfu jaduraw karru politiku.” L-editorjal jistaqsi jekk l-elettorat hux se jħalli Gvern li introduċa lista ta’ miżuri soċjali, biddel il-mod kif nipproduċu l-enerġija, li saħħaħ l-ekonomija minħabba “rekord ħażin fil-governanza.”
L-editorjal tal-Kulħadd jgħid li sa mill-ewwel ġurnata tal-kampanja elettorali spikkat id-differenza bejn “min hu lest u min le.” Jgħid li “waqt li Simon Busuttil kien ‘moħbi’ il-Prim Ministru tkellem dwar il-ħames prijoritajiet ta’ Gvern Laburista.” Fuq in-naħa l-oħra, l-editorjal ta’ Il-Mument jinsisti li hawn qbil unanimu, għajr għall-Partit Laburista, “li l-pajjiż jinsab fi kriżi li ġabet instabbilità u inċertezza.” Jgħid li l-kawża ta’ kollox huma “tlieta min-nies, li flok ħasbu għal pajjiżna u għall-poplu raw kif ħasbu għalihom u dawk fiċ-ċirku ta’ madwarhom.”
Fl-aħħar nett l-editorjal ta’ It-Torċa jikkwota lill-Prim Ministru li din l-elezzjoni ssejħet “fl-interess nazzjonali” u juri t-tħassib għad-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li rebħa Laburista mhu se ssolvi xejn. Għall-gazzetta dan ifisser li “l-attakki fuq l-istituzzjonijiet se jkomplu anke wara l-elezzjoni” jekk jirbaħ il-Partit Laburista.