Editorjali: Il-gazzetti tal-Ħadd jaqblu li l-pożizzjoni ta’ Delia mhix tennibbli

Hekk kif tikber stennija għal direzzjoni mill-President ta’ Malta, George Vella, dwar il-kariga tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-gazzetti tal-Ħadd ħarġu bil-verdett tagħhom fl-editorjali tal-lum.

L-editorjal tas-Sunday Times appella bla tlaqlieq lil Adrian Delia biex jieqaf ikisser lill-Partit Nazzjonalista, pożizzjoni netta tal-gazzetta li tgħid li l-pajjiż miexi lejn diżintegrazzjoni tal-PN li mexxa lil dan il-pajjiż lejn uħud mill-aqwa mumenti li għaddiet minnhom Malta. Il-gazzetta appellat biex il-PN ma jintilifx fl-interpretazzjoni kostituzzjonali u jwaqqaf din l-emoraġija fi ħdanu. The Sunday Times tgħid li Delia f’dan il-punt fadallu triq waħda quddiemu biex iżomm ftit ta’ kredibilità u dinjità u jiftaħ it-triq lejn elezzjoni miftuħa għal kap ġdid tal-PN.

Min-naħa tagħha, Malta Today tgħid li l-pożizzjoni tagħha dejjem kienet ċara li Adrian Delia mhux il-persuna li għandu jmexxi lill-PN f’dawn iż-żminijiet. Madanakollu, il-gazzetta tgħid li l-mod kif għażlu l-membri parlamentari ribelli jista’ jdur kontrihom tant hu hekk li dan hu r-raba’ attentat tal-istess fazzjoni biex tneħħi lil Adrian Delia.  Il-gazzetta qalet li din is-sitwazzjoni qed tpoġġi lill-istess Delia f’sitwazzjoni fejn ma jistax jaqdi l-funzjonijiet kostituzzjonali tiegħu u skont il-gazzetta għandu jfittex strateġija biex jitlaq.

L-editorjal ta’ Illum jgħid li dak li qed jaraw li jseħħ fil-PN hu diżastru ta’ proporzjonijiet kbar. Il-gazzetta tgħid li Adrian Delia wera biċ-ċar li minkejja li pprova, ma rnexxilux jilħaq diversi għanijiet, fosthom li joffri Oppożizzjoni magħquda u kredibbli. Il-gazzetta tgħid li dak li qed jiġri huwa tort grupp ta’ ribelli li qatt ma aċċettawha li Delia kien elett bħal kap tal-PN. Il-gazzetta tgħid li għall-imħabba għall-pajjiż kulħadd għandu jagħmel pass lura u jinstab kompromess bejn il-fazzjoni kontra Delia u dawk li għadhom jappoġġjawh.

Il-Mument tgħid li dak li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista għandu għan wieħed – dak li l-pajjiż ikollu partit fl-Oppożizzjoni b’saħħtu, magħqud u li jiġġieled b’saħħa l-korruzzjoni biex il-pajjiż jerġa’ jaqbad it-triq għan-normalità.

Il-gazzetta Kullħadd tgħid li fazzjoni psewdo-Nazzjonalista li ma taċċettax ir-regoli li fasslet hi stess taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil wara li r-riżultat finali ma kienx dak li xtaqet, joħroġ mhux biss il-kredenzjali antidemokratiċi tagħhom iżda fl-istess ħin ibellgħuha li huma l-kavallieri tas-saltna tad-dritt.