Editorjali: “Ħtijiet, mirja, miżbla u delużjoni”

“Il-PM irid iħares lejn il-mera” – The Malta Independent
L-editorjal ta’ The Malta Independent jappella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex ma jibqax iwaħħal fl-oħrajn u jħares lejn il-mera. Tirreferi għall-kummenti li qal il-PM dwar l-inkjesta tal-każ Egrant, fejn jgħid li ħadd ma jista’ jinżamm responsabbli jekk l-investigazzjoni ma twassalx għall-prosekuzzjoni. L-editorjal isostni li l-Prim Ministru jaf li ma għandux jindaħal fi kwistjonijiet tal-ġudikatura u jgħid li d-“diskors isteriku” tiegħu tal-Ħadd li għadda kixef l-inkwiet li għandu dwar dan il-każ.
“PM li jidher deluż” – Times of Malta
The Times of Malta wkoll tirreferi għall-kummenti tal-PM dwar il-ġudikatura u tgħid li Joseph Muscat jaħseb li din l-elezzjoni hija biss dwaru. Tgħid li dan mhux il-każ, għax l-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju hija dwar x’jirrappreżenta u li qed jidher deluż fil-fażi l-iktar kruċjali ta’ kampanja elettorali. The Times of Malta tgħid li l-PM huwa diżappuntat li l-inkjesta mhix se tiġi konkluża qabel l-elezzjoni ġenerali.
“Jixraqilhom jintremew fil-miżbla tal-istorja” – l-Orizzont
Dan huwa “l-aħħar Sibt” ta’ qabel l-elezzjoni, tgħid l-Orizzont, li fih il-poplu Malti jrid jirrifletti u jagħmel għażla deċiżiva u importanti. Fuq naħa hemm il-konfużjoni u l-kalunji ta’ Simon Busuttil u Marlene Farrugia li fi kliem l-editorjal jixraqilhom jintremew darba għal dejjem “fil-miżbla tal-istorja”. Fuq in-naħa l-oħra, hemm it-triq ta’ Joseph Musat li hija “mimlija ġid, paċi u hena". Itemm jgħid li l-lupu Nazzjonalista qatt ma jibdel sufu.
“Idaħħaq lil Malta bi spija Russa” – in-Nazzjon
Il-ġurnal in-Nazzjon jistaqsi b’min irid idaħħaq Joseph Muscat meta rrefera għall-eksimpjegata tal-Bank Pilatus bħala “spija Russa”. Jgħid li l-Ażerbajġan li miegħu sar ftehim għax-xiri tal-fuel, huwa pajjiż ħabib kbir tar-Russja. In-Nazzjon tgħid li Muscat stess kien stieden f’Malta lill-alleat ta’ Putin, l-eks President Ukren Yanukovych. Ittemm tgħid li l-“gideb kbir u invenzjonijiet ta’ Muscat” qed jegħrqu fit-tixħim, fil-ħasil ta’ flus u fil-kriminalità f’Kastilja.