Editorjali: “Għandu jsejjaħ elezzjoni” minkejja “aktar ġenerożità mill-Gvern”

L-editorjali tal-erba’ ġurnali tal-lum iduru mas-sitwazzjoni politika kurrenti, li blogger ta’ Newsbook.com.mt jiddeskriviha bħala klima sħuna, fejn qed jisħnu l-irjus.
L-editorjal ta’ The Malta Independent jisħaq li l-Prim Ministru għandu jsejjaħ elezzjoni ġenerali immedjatament jekk irid ikompli jservi lill-pajjiż bħala mexxej u mhux biss bħala persuna fil-poter.
Jgħid li altru li l-Prim Ministru jinjora lill-midja u l-akkużi mingħajr provi, u mod jinjora l-allegazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni li qed jgħid li għandu provi ta’ kriminalità u korruzzjoni minn uffiċjali għolja fl-uffiċċju tiegħu.
Fl-editorjal, it-Times of Malta ssemmi kif meta l-politiċi jibdew iduru d-djar huwa sinjal li elezzjoni tinsab wara l-bieb. Fl-istess ħin qal li indikazzjoni oħra tkun meta l-amministrazzjoni tibda tkun ġeneruża jew tibda tagħmel dak li tkun wegħdet li se tagħmel aktar kmieni fil-leġiżlatura.
Jgħid li tkun xi tkun id-data tal-elezzjoni li se jagħżel il-Prim Ministru, żgur li Joseph Muscat se jaċċerta li jkollu kollox f’postu qabel isejjaħha.
Kif inhu mistenni, l-editorjal ta’ L-Orizzont u In-Nazzjon jikkuntrastaw lil xulxin. Filwaqt li l-ġurnal tal-General Workers’ Union jgħid li l-Partit Nazzjonalista qata’ qalbu li se jirbaħ elezzjoni b’mod ġust, minħabba l-Prim Ministru Joseph Muscat, l-editorjal ta’ In-Nazzjon jitratta l-każ Egrant, u jelenka lista ta’ raġunijiet li allegatament juru li Joseph Muscat qed jigdeb meta jiċħad li Egrant hi ta’ martu.
Kull filgħodu Newsbook.com.mt jippubblika l-faċċati tal-gazzetti tal-ġurnata.

·         MY HOME