Editorjal: Se jegħrqu? X’jimpurtana!

Lifeline Malta Newsbook

F’parti oħra ta’ Newsbook.com.mt qed nippublikaw il-kummenti ta’ Dr Katrine Camilleri, id-Direttur tas-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati (JRS). Hija sostniet li waħda mill-konsegwenzi inevitabbli tad-deċiżjoni li jidher li qed jieħu l-Gvern fil-qasam tal-immigrazzjoni hi li iktar nies se jispiċċaw jitilfu ħajjithom. L-uniku “delit” li jkunu wettqu huwa li qed  jipprovaw jfittxu ħajja aħjar. Camilleri kienet qed tirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-Gvern jumejn ilu, fejn ta x’jifhem li l-portijiet Maltin se jkunu magħluqa għall-bastimenti tal-għaqdiet mhux governattivi li jsalvaw il-ħajjiet tan-nies.

Din il-pożizzjoni tal-Gvern trid tittieħed fil-kuntest tas-summit li sar mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea l-Ħamis li għadda. Dan is-summit fuq l-immigrazzjoni ġab ftehim (jekk tista’ issejjaħlu hekk) imqanżah li ma jiswiex ħafna aktar mill-karta li fuqha inkiteb. Tant hu hekk illi l-anqas kienet għada nixfet il-linka tal-firem fuq il-karta li fuqha inkiteb li l-mexxejja Ewropej ma bdewx imieru lil xulxin dwaru.

Il-pożizzjoni tal-Gvern l l-linja ambigwa f’dan is-suppost ftehim taparsi qed isiru biex jassiguraw li jkun hemm rispett lejn il-liġi. Iżda l-konsegwenza tagħha hija li ħajjiet umani fuq il-fruntiera tal-Ewropa u tagħmilha iktar perikoluża kemm għar-refuġjati kif ukoll għal dawk li qed iffittxu ażil. Tajjeb niftakru illi il-bastimenti tal-għaqdiet voluntarji għamlu madwar 40% mis-salvataġġi skont kif kien qal il-Kap tal-Frontex f’intervista li ta’ fi Frar ta’ 2017.

Il-mexxejja Ewropej qed juru djufija quddiem il-mewġa populista kontra r-refuġjati. Iċ-ċifri kollha juru illi l-għadd ta’ dawk li qed jiġu lejn l-Ewropa huwa immensament anqas milli kien, per eżempju, fl-2015. Iżda issa l-biża irrazzjonali ta’ ħafna nies qed jitrewwaq fl-Ewropa minn ‘nies’ bħal Salvini u Orban fl-Ewropa u minn Trump fl-Istati Uniti. Il-politiċi tassew umani u nsara bħal Merkel qedgħin taħt assedju.

Issa l-għorrief li jmexxu l-Unjoni Ewropea jridu jagħmlu gwerra kontra min qed isalva l-ħajjiet tan-nies! Issa l-mexxejja Ewropej iridu li lir-refuġjati jerġgħu jibgħatuhom lura l-Libja fejn ibatu t-tortura, l-istupru, l-isfruttament u l-iskjavitu. Din il-miżura għandha l-appoġġ ta’ ħafna Maltin li jgħidu li huma insara. Aqra l-kummenti ta’ dawn il-Maltin fuq Facebook u mill-ewwel taqsam qalbek bil-ħdura, il-mibgħeda u l-odju li jxerdu.

Kif inhu possibbli li poplu li ilu elfejn sena nisrani jkollu f’qalbu tant ħdura u mibgħeda? Kif inhu possibbli li xettilna ‘insara’ li jimpurthom mill-ixbihat tal-kartapesta li jinġarru fuq l-ispallejn fil-festi pagani li jsiru kull iżda ma jimpurtahomx mill-ixbiħat ta’ Alla li jinġarru fuq dgħajjes sgangati li aktar jegħrqu milli jsalvaw?

Li tkun nisrani jfisser li titma’ lil min hu bil-ġuħ u li tilqa’ lill-barrani  mhux li tixxadinja quddiem l-istatwi tal-karta pesta waqt li ma jimpurtakx li eluf se jitilfu ħajjithom f’baħar li, kif qal il-Papa Franġisku, qed isir ċimiterju.