Editorjal: ”Rajt biżżejjed żgħażagħ jitkissru bid-droga”

F’Novembru li għadda  waqt il-programm Follow-up fuq l-RTK intervistajt lill-President tal-Assoċċjazzjoni tal-Psikjatri Maltin (MAP), Dr Nigel Camilleri u lill-Viċi-President Dr Aloisia Camilleri flimkien mal-President tal-Kamra tal-Psikologi Maltin Dr Roberta Farrugia Debono.

Kollha kienu kelma waħda: le għal-legalizzazjoni tal-kannabis għalhekk imsejjaħ użu rikreattiv.

Id-droga tkisser liż-żgħażagħ – President MCP

Il-President tal-Kamra tal-Psikologi Maltin (MCP), Dr Roberta Farrugia Debono, qalet li sa dakinhar ma kienx hemm pożizzjoni uffiċċjali tal-Kamra. Iżda kompliet tgħid li hija rat biżżejjed żgħażagħ “li tkissru mid-droga” u allura personalment ma taqbilx mal-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv .

Qalet li mill-esperjenza tagħha, żgħażagħ li jduru għall-kannabis ma tantx ikollhom kommunikazzjoni tajba mal-ġenituri tagħhom. Spjegat li jkunu magħluqin fihom infushom u anke forsi ma jkunux mgħallma kif għandhom jitkellmu dwar id-diffikultajiet li jkollhom.

Sal-lum l-għaqda għada ma ħaditx pożizzjoni.

Aqra: Ħażin jekk nillegalizzaw il-kannabis rikreattiv – esperti

Il-psikjatri u l-Oasi qalu le għad-droga

Mill-banda l-oħra l-uffiċċjali tal-għaqda tal-psikjatri qalu li l-għaqda tal-psikjatri Maltin kellha pożizzjoni uffiċjali kontra għax mill-ħidma tagħhom setgħu jaraw il-ħsara li ssir mill-kannabis; ħsara li hija ppruvata wkoll mir-riċerka.

Fil-fatt f’dan il-ġranet, flimkien mal-Fondazzjoni Oasi, l-psikjatri ħarġu stqarrija biex jgħidu ċar u tond illi jekk il-kannabis tkun legalizzata issir ħsara lis-soċjetà.

Aqra: “Inkwetati kemm saret faċli li wieħed jixtri d-droga f’Malta”

Il-Fondazzjoni Oasi u l-psikjatri jinsabu inkwetati għaliex il-legalizzazjoni tal-hekk imsejjaħ użu rikreattiv tal-kannabis tgħaddi informazzjoni kontradittorja lis-soċjetà għax tagħti l-impressjoni li l-kannabis ma tagħilmx ħsara, meta fil-fatt tagħmel ħsara. Iż-żewġ organizzazzjonijiet jemmnu li l-istat għandu r-responsabbiltà li jgħaddi messaġġi ċari lill-pubbliku. Fl-istqarrija tagħhom spjegaw aktar dwar din il-ħsara.

Il-Prof Azzopardi wkoll kontra

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, saħaq li mhux veru li jekk tillegalizza l-kannabis se tnaqqas il-ħsara li issir mill-kannabis. Żied jgħid li l-legalizzazjoni isservi biss biex jiżdied il-kummerċ illegali tad-drogi.

Fi stqarrija fejn huwa spjega l-oġġezzjonijiet tiegħu kontra l-legalizzazzjoni tal-kannabis u elenka numru ta’ sintomi mediċi negattivi li wieħed ikollu meta jagħmel użu mill-kannabis. Huwa semma li l-legalizzazjoni tista’ twassal biex persuni jitħajru biex jagħmlu użu minn drogi iktar b’saħħithom.

Aqra: Il-legalizzazzjoni tal-kannabis riskjuża ħafna – Id-Dekan Andrew Azzopardi

Il-Caritas wkoll hija kontra

F’Ġunju 2018, l-eks Direttur tal-Caritas Leonid McKay esprima s-sodisfazzjon tiegħu li fil-pajjiż jidher li hawn kunsens wiesa’ li l-kannabis m’għandhiex użu rikreattiv u li qed tiġi rikonoxxuta bħala droga. Waqt id-diskors tiegħu fiċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ dawk li lestew b’suċċess programmi ta’ riabilitazzjoni tal-Caritas, McKay wissa kontra li l-kannabis issir legali, għax fi kliemu “se tkun qed issir iktar popolari u aċċessibbli li twassal biex il-konsum jiżdied”.

Aqra: “Kunsens wiesa’ li l-kannabis mhix għar-rikreazzjoni”

Aqra: Il-kannabis ma għandha l-ebda valur rikreattiv – Caritas

Waqt programm fuq l-RTK f’Awwissu li għadda id-Direttur preżenti tal-Caritas, Anthony Gatt, reġa tenna l-pożizzjoni tal-Caritas kontra l-legalizzazjoni tal-kannabis.

Aqra: Newsline: Droga, l-użura u l-faqar fost il-missjonijiet tal-Kap il-ġdid tal-Caritas

Kull min jifhem huwa kontra

Mela kull min jifhem akkademikament u professjonalment u kull min jaħdem mal-vittmi tad-droga huwa kontra li l-kannabis tiġi legalizzata. Ikun iblah pajjiż li jarmi dak li jgħidu l-esperti dwar il-ħsara li tagħmel il-kannabis. Din il-legalizzazjoni isservi biss biex ftit nies jaqilgħu l-miljuni waqt li kif qalet Dr Roberta Farrugia Debono, il-president tal-Kamra tal-Psikoloġi Maltin, jitfarrku ż-żgħażagħ.