Eden Hazard ibus il-badge ta’ Real Madrid

Wara li l-Ħamis għamel it-testijiet mediċi, l-istilla Belġjana daħal fil-grawnd mal-president tal-klabb Florentino Perez u għamel diskors bil-Franċiż, għalkemm għamel sforz biex qal kelmtejn bl-Ispanjol.

Hazard, ta’ 28 sena, issieħeb għas-somma ta’ ftit aktar minn €168 miljun. Hu kien wieħed mill-miri ewlenin li Zinedine Zidane kellu għat-trasferiment tas-Sajf. L-istilla Belġjana ippoża bil-flokk il-ġdid tiegħu hekk kif il-fotografi ppruvaw jiġbdu l-isbaħ u l-aħjar ritratti ta’ wieħed mill-aqwa plejers li bħalissa hawn fid-dinja. Huwa deher ibus il-badge l-ġdida quddiem 50,000 partitarju ta’ Real Madrid u ħalla lill-partitarji ta’ Chelsea qalbhom maqsumha.

Tul il-preżentazzjoni tiegħu, Hazard ammetta li kien ġie fi klabb li dejjem kellu l-ambizzjonijiet li jilgħab miegħu. Hu qal li qed jistenna bil-ħerqa biex jilbes il-flokk u jkun jista’ jiddefendi mat-tim.