Awdjo: “Eċitament mhux tensjoni waqt id-dibattitu” – Peppi Azzopardi

Il-preżentatur ta' Xarabank Peppi Azzopardi ddeskriva d-dibattitu bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, bħala wieħed ħaj u mingħajr ħafna tensjoni.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-preżentatur qal li l-mexxej tal-Partit Laburista u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kienu ffukati waqt id-dibattitu f’Xarabank.
Peppi Azzopardi semma kif il-persuni li ġew maż-żewġ kelliema aġixxew b’mod mill-aktar professjonali u kienu ffukati l-ħin kollu biex hekk kif Xarabank jieqaf għall-pubbliċità jersqu lejn iż-żewġ kelliema rispettivi u jagħtuhom rispons dwar kif ikunu sejrin fid-dibattitu u dwar ir-reazzjonijiet tal-pubbliku.
Mistoqsi għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li ma jkunx hemm udjenza fis-sala waqt dan id-dibattitu, Azzopardi spjega kif iż-żewġ partiti qablu, kemm għax is-suġġett tad-diskussjoni kien delikat kif ukoll għax l-udjenza kienet se tkun hemm biex iċċapċap biss.
Azzopardi żied jgħid li “s-soltu wħud minn dawk fis-sala jintervjenu, iżda din id-darba d-dibattitu kien bejn żewġ kelliema bla ebda interventi".
Stqarr li għall-ewwel hu kien kontra li ma jkunx hemm nies fis-sala, iżda wara r-reazzjoni li ra mill-pubbliku rrealizza li mnalla ttieħdet dik id-deċiżjoni.