Echosmith u Tori Kelly għall-Isle of MTV f’Malta

Jiżdiedu l-artisti li se jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Isle of MTV fuq il-Fosos tal-Furjana.
L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u l-MTV għadhom kemm ħabbru li għad-disa’ edizzjoni, nhar is-7 ta’ Lulju, se jiżdiedu wkoll Echosmith u Tori Kelly.
S’issa b’kollox, ġew ikkonfermati DJ Martin Garrix, Jason Derulo, Jess Glynne u l-aħħar żewġ konfermi tal-lum.
Il-grupp ta’ żgħażagħ, bl-isem Echosmith, sabu ruħhom fil-Hot 100 Chart tal-Istati Uniti f’Settembru li għadda bid-diska “Cool Kids”, li spiċċat fost l-aħjar 20 diska madwar id-dinja u kisbet żewġ unuri platinum fl-Istati Uniti u fl-Awstralja b’iktar minn 40 miljun hit fuq YouTube.
Tori Kelly, min-naħa tagħha, ukoll kellha lil YouTube wara l-ewwel suċċessi tagħha bi 23 miljun hit fuq diska waħda. Wara, ħarġet l-ewwel album miktub minnha stess u telgħet fost it-Top 10 tal-klassifika ta’ iTunes. Illum il-ġurnata se tniedi l-ewwel album tagħha taħt it-tikketta prestiġġjuża Capitol Records u ġiet meqjusa, minn MTV stess, bħala l-artista tax-xahar ta’ Mejju.
L-Isle of MTV mistenni għal sena oħra jiġi ffilmjat u mqassar fi programm ta’ siegħa li mbagħad jixxandar fuq 20 stazzjon televiżiv differenti tal-MTV fl-Ewropa.