eCabs tniedi linji ta’ gwida għas-sewwieqa u l-passiġġieri kollha

eCabs għadha kemm implimentat il-lista sħiħa ta’ linji ta’ gwida obbligatorji marbuta mal-Covid-19 li għadhom kemm inħarġu f’dawn l-aħħar ġranet mill-awtoritajiet pubbliċi tas-saħħa għall-operaturi ta’ cabs u taxis.

eCabs mhux biss żgurat li tkun konformi b’mod sħiħ mal-linji ta’ gwida iżda kompliet iżżid l-inizjattivi tagħha għas-sigurtà tas-sewwieqa u l-passiġġieri sabiex tiżgura li s-saħħa tagħhom tingħata l-ogħla prijorità.

Il-linji ta’ gwida ġodda jinkludu fost l-oħrajn, l-obbligu li jintlibsu l-maskri kemm mis-sewwieqa kif ukoll mill-passiġġieri li mhux se jitħallew jirkbu jekk ma jkunux lebsin maskra. Sabiex din id-direttiva tkun imħarsa, eCabs se tkun qed tipprovdi maskri tal-wiċċ fil-vetturi biex min ma jkollux, ikun jista’ jixtri waħda.

“Ilna nsegwu din il-pandemija sa mill-bidu nett u bqajna nobdu r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet tas-saħħa biex naġġornaw l-operat tagħna skond il-linji ta’ gwida li bdew jinħarġu. Segwejna wkoll l-aqwa prattiċi li qed jitwettqu barra minn Malta f’dan is-settur u ħadna l-inizjattiva li nsaħħu l-miżuri ta’ sigurtà tagħna fosthom l-installazzjoni ta’ screen tal-perspex bejn is-sewwieq u l-passiġġieri. Qed nitrattaw din is-sitwazzjoni bl-akbar serjetà mhux biss għas-sigurtà tal-passiġġieri iżda wkoll għal dik tas-sewwieqa tagħna,” qal Simon Debono, Kap tal-Marketing ta’ eCabs.

“Nemmen li huwa importanti li kulħadd jikkollabora u jagħmel il-parti tiegħu biex sa fl-aħħar nerġgħu lura għal sitwazzjoni iżjed normali. Inħeġġeġ lill-passiġġiera tagħna sabiex jikkollaboraw magħna u jirrispettaw dawn il-miżuri fl-interess ta’ kulħadd,” qal is-sur Debono filwaqt li semma kif eCabs qed tħeġġeġ lil kulħadd biex iħallas permezz tal-credit cards u l-App sabiex ma’ jintużawx flus cash.

U hekk kif bdiet is-sħana, eCabs daħħlet ukoll linji ta’ gwida dwar l-użu tal-ventilazzjoni fil-vetturi fosthom il-ħtieġa li l-air recycler jinżamm mitfi l-ħin kollu u li t-twieqi jinżammu ftit imbexxqin għal ventilazzjoni aħjar. Il-filters ta’ l-AC qed jiġu trattati b’disinfettant bħala parti minn proċedura sħiħa li l-kumpanija introduċiet mill-bidu ta’ Marzu li tinkludi steaming u tindif qawwi bl-istess disinfettant.

“L-inizjattivi li qed nieħdu qed dwar Covid qed inżommuhom il-ħin kollu aġġornati fuq is-sit tagħna. Kull min jirkeb magħna jista’ jibqa ċert li qed nagħmlu minn kollox u qed nagħmlu ferm iżjed minn dak li huwa l-obbligu tagħna. Qed nagħmlu l-almu tagħna sabiex f’dan iż-żmien diffiċli, kulħadd jista’ jibqa’ jivjaġġa magħna b’moħħu mistrieħ”, temm Simon Debono.

Dan il-kontenut mwassal minn eCabs

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn