Ebola: Sejħa għal aktar għajnuna fl-Afrika

L-Għaqda Dinija tas-Saħħa qalet li qed tagħmel minn kollox biex tipprova tipprevjeni milli l-Ebola tkompli tinfirex f’aktar pajjiżi Afrikani.
15-il pajjż Afrikan qed jingħataw aktar importanza minħabba riskju akbar ta’ infezzjoni.
Min-naħa l-oħra, l-eks Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Kofi Annan qal li hu ddiżappuntant bin-nuqqas ta’ għajnuna li wriet il-komunità internazzjonali.
F’intervista mal-BBC, Annan sostna li l-pajjiżi sinjuri setgħu għenu mill-bidu.
Li kieku l-Ebola kienet xi mkien ieħor, Annan qal li probabilment kieku s-sitwazzjoni kienet tiġi trattata differenti.
“Il-komunità internazzjonali bdiet tqum meta l-virus beda jersaq lejn l-Istati Uniti u l-Ewropa. Suppost kollha nafu li llum il-ġurnata d-dinja hi ħaġa waħda u kollox hi kwistjoni ta’ ħin”.
Uffiċjal għoli tal-Għaqda Dinija tas-Saħħa Isabelle Nuttall, waqt konferenza f’Geneva qalet li l-infettar tal-virus għadu qawwi fil-Liberja, fi Sjerra Leone u l-Ginea.